Id-dikjarazzjoni li ġejja tirreferi għall-istorja li ppubblikajt aktar kmieni dalgħodu dwar l-arresti fl-Italja b’rabta mal-attivitajiet ta’ ħasil tal-flus minn ċirku tal-Mafja li kien qed juża kumpanija Maltija biex jaħsel il-flus. Fil-passat il-kumpanija Maltija kienet tappartjeni lil kumpanija fiduċjarja li David Gonzi hu wieħed mit-tliet partners tagħha. Imma kif hu ddikjarat hawn isfel, il-kumpanija Maltija kienet ilha li temmitilhom is-servizzi fiduċjarji tagħha minn Ottubru 2016. 

Stqarrija għall-istampa maħruġa minn Dr David Gonzi

B’referenza għar-rapport li ħareġ illum f’xi sezzjonijiet tal-midja, fejn issemma ismi b’konnessjoni mas-servizzi fiduċjarji offruti lil Phoenix International Holding Ltd, nixtieq intenni dan li ġej:

  1. Kif jixhdu d-dokumenti uffiċjali tar-Reġistru tal-Kumpaniji, fit-30 ta’ Ottubru 2016 il-kumpanija GVM Holdings Limited waqqfet is-servizzi fiduċjarji mogħtija lil Phoenix International Holding Ltd. Minn dakinhar, l-ishma fil-kumpanija bdew jinżammu direttament mill-azzjonist.

 

  1. GVM Holdings hija kumpanija fiduċjarja liċenzjata biex tagħti servizzi fiduċjarji fl-ambitu tal-Att dwar it-Trusts u t-Trustees.  Għandi terz tal-ishma f’GVM Holdings u kont inħtart it-tielet direttur ta’ GVM Holdings fit-2 ta’ Diċembru 2014.  Minn Diċembru 2015, GVM bdiet tnaqqas l-attivitajiet tagħha u minn dak iż-żmien bagħtet ittri ta’ terminazzjoni tas-servizz lill-klijenti tagħha kollha.