Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May żgurat lill-pubbliku li teskludi li s-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa għad jidħol f’xi ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Istati Uniti.
Rapport fil-UK Times (trid abbonament biex taqrah kollu) jitkellem dwar mistoqsijiet tal-mexxej tad-Demokratiċi Liberali lill-Prim Ministru fejn qed jitlobha “tikkonferma jekk għamlithiex ‘assolutament ċara’ li kumpaniji Amerikani mhux se jitħallew jittenderjaw għas-servizzi li tipprovdi l-NHS (Is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa) fil-każ ta’ xi ftehim kummerċjali wara l-aħħar diskussjonijiet li kellha mal-President (tal-Istati Uniti).
Wara li ħasbitha ftit, il-kap ta’ 10, Downing Street, għamlitha ċara li “l-NHS ‘mhix għall-bejgħ’ u insistiet li l-gvern ‘se jkompli jiżgura li l-NHS tiġi protetta b’mod sħiħ fil-ftehimiet kummerċjali kollha li tkun parti minnhom”.
Mhux id-Demokratiċi Liberali biss inkwetati li ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Amerka wara l-Brexit jista’ jwassal biex is-servizzi tas-saħħa Ingliżi jispiċċaw tal-Amerikani. “Kelliem għal Jeremy Corbyn, il-kap tal-Labour, qal li ‘hija kwistjoni inkwetanti’ li s-Sinjura May naqset milli tgħid le b’ċertezza għall-possibbiltà li kumpaniji ‘predatorji’ Amerikani jista’ jkollhom aċċess għall-kuntratti fis-settur tas-saħħa. Kompli billi jgħid li ‘huwa ċar li la ma rrifjutawx b’mod assolut li dawn il-kumpaniji predatorji jista’ jkollhom aċċess għall-NHS tagħna jfisser li dan huwa parti mill-ftehim li qed jiġi kkunsidrat mill-PM u mill-gvern tagħna.’
Issa ejja npoġġu din l-istorja fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri Malta. Mhux talli s-servizz tas-saħħa Malti infetaħ għall-“kumpaniji predatorji Amerikani” biex jittenderjaw għall-kuntratti tas-servizz. Talli għandna sitwazzjoni fejn il-kumpaniji predatorji Amerikani qed jingħataw sptarijiet sħaħ, bl-għeruq u x-xniexel. Dawn se jsiru tagħhom. Se jkunu s-sidien ta’ kulma hemm fihom. Se jagħmlu li jridu bihom għall-100 sena li ġejjin.
U ma kellhomx għalfejn jittenderjaw għalihom. Ma kellhomx għalfejn jispjegaw x’beħsiebhom jagħmlu bihom, xi kredenzjali għandhom, ma kellhomx għalfejn jintgħoġbu. Xtraw l-isptarijiet tagħna mingħand kumpanija falluta u spiċċuta ta’ nies li lanqas biss nafuhom, u li akkwistaw l-isptarijiet għax il-gvern qabad u għażilhom bla kompetizzjoni ta’ xejn.
Qrajt xi kummenti li jfaħħru bil-qalb il-preġji tal-privatizzazzjonijiet u li jiżguraw lil kulħadd li l-privatizzazzjoni ta’ St Luke’s se tkun suċċess bħalma kienet suċċess dik tal-Freeport jew it-Telemalta. Li kieku l-gvern kellu xi kumpanija tal-istampar jew xi port jew xi fabbrika tal-ġammijiet, kont naqbel u kif mal-privatizzazzjoni. Imma hawn fuq l-isptarijiet qed nitkellmu. Possibbli ma tarawhiex id-differenza?
Taħsbu li dal-fornitur tas-servizz tas-saħħa Amerikan, li moħħu biss fil-profitt, se jkun akkwista l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għax irid jieħu ħsieb komunità ta’ 30 000 ruħ u l-mard tagħhom? Dal-post se jinbidel f’post magħruf għat-turiżmu tas-saħħa, u s’hemm ma nara xejn ħażin. Imma allura għax ma jibnux l-isptar privat tagħhom xi mkien ieħor f’Għawdex u jinvestu l-assi tagħhom stess biex jiġġeneraw il-profitt li jridu? Għalfejn għandhom jinqdew bl-uniku sptar f’Għawdex li jipprovdi servizzi tas-saħħa pubbliċi fundamentali għall-komunità?
Risposta sempliċi hux. Għax qiegħed hemm u m’għandniex gvern li jħares il-bżonnijiet tas-saħħa ta’ niesna. Għall-kuntrarju, qed jonqos milli jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu, u jiftaħ il-bibien għal interessi kummerċjali li l-bqija tal-Ewropa u anki l-Ingliterra wara l-Brexit qas joħolmu li jkollhom fis-settur tas-saħħa pubblika.
Imbagħad jiġi Glen Bedingfield jgħid li t-tobba tagħna ħarġu fuq strajk ilbieraħ minħabba problemi li ġabu b’idejhom stess.