Nammetti li għandi grazzja kbira ma’ Joseph Calleja. M’jinix bniedem tal-lant iżda l-kant tiegħu jogħġobni ferm. Bniedem bħal Joseph Calleja, li llum huwa magħruf sew madwar id-dinja għall-vuċi qawwija u versatili tiegħu, jġiegħlni wkoll nħossni kburi li jien Malti għaliex huwa Malti bħali. Din il-kburija tinħass aktar naturali għalija għaliex Calleja huwa wkoll patrijott. Kull fejn ikun fid-dinja, iħobb ifakkar lill-udjenza tiegħu li hu mwieled Malta u din hija ħaġa sabiħa speċjalment fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom fejn l-immaġni ta’ pajjiżna f’għajnejn il-barranin m’hi sabiħa xejn.
Madankollu ma nistax nifhem kif Joseph Calleja aċċetta li jkun il-mistieden speċjali ta’ Henley & Partners waqt serata organizzata apposta biex tħajjar membri ta’ xi oligarkija biex jixtru ċ-ċittadinanza u biex jagħmlu użu mill-identita’ tagħna biex jaħarbu mill-ħlas tat-taxxi u, f’ċerti każi, biex jaħbu flejjes maħmuġin.
Lanqas ma nista’ nniżżilha kif aċċetta li, permezz tal-preżenza tiegħu, jagħti l-appoġġ lil Henley & Partners li ma ħabblu rashom xejn meta użaw mezzi legali biex jheddu b’falliment finanzjarju lil ġurnalisti f’Malta kemm il-darba dawn ma jiżfnux għad-daqq tagħhom.
M’hemmx dubju li Joseph Calleja ix-xenarju politiku Malti, bil-kumplessitajiet kollha tiegħu, jifhmu sew u dejjem qagħad attent li jidher f’għajnejn in-nies bħala Malti u mhux bħala Nazzjonalist jew Laburist.
Għalkemm il-gvern qed jagħmel minn kollox biex kull kritika li tkun diretta lejħ jattribwiha għal motivazzjonijiet politiċi biex b’hekk ma jitlifx l-appoġġ tal-partitarji tiegħu, Joseph Calleja għandu jixtarr sew il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tiegħu.
Joseph Calleja ma jistax jinjora l-fatt li Henley & Partners kienu għamlu minn kollox biex isikktu lil Daphne Caruana Galizia. Lanqas jista’ jinjora dak li dawn għamlu lil xi ġurnalisti Svizzeri li tkellmu dwar l-assassinju tagħha jew it-theddid li sar fil-konfront ta’ The Shift News – theddid li dawn tal-aħħar qed jisfidaw b’riskju kbir personali.
Din hija wkoll ir-realta’ li qed tgħix Malta u Joseph Calleja ma jistax jagħmel tabirruħu li qiesu m’hu jiġri xejn. Għal din is-serata ta’ Henley & Partners li se ssir f’April, fl-udjenza mistenni li jkun hemm persuni multi-miljunarji li, għax ikunu ħallsu għalih, eventwalment ser jkollhom il-privileġġ li jissejjħu Maltin.
Iżda Joseph Calleja jaf sew li, ħafna aktar minn muntanja ta’ flus, l-identita’ u ċ-ċittadinanza Maltija tfisser il-kultura li trabba fiha u s-soċjeta’ li appoġġjatu u ċapċpitlu hekk kif il-fama tiegħu madwar id-dinja bdiet tispara ‘l fuq.
Dejjem uriena li ma nesiex minn fejn beda’.
Jiżbalja jekk jinsa’ issa.