David Casa dalgħodu ħareġ mill-għatba tal-Qorti qisu mhux hu. Ma kienx liebes il-manetti li jrid ilibbislu Manwel Mallia. S’issa.
Huma bosta li jistaqsu kif inhi dil-biċċa li donnu Joseph Muscat igħaddiha lixxa f’kollox. X’aktarx jiġri hekk għax jinqeda’ b’riġment ta’ qaddejja u ta’ lagħqa biex jitkellmu u jaġixxu b’mod skandaluż. Inqeda’ b’kunsillier tal-Belt Valletta biex jipprova jeħles mill-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia fi Triq ir-Repubblika u meta għarralu, inqeda’ b’qaddejja fidili oħra li qiegħdu fuqu ritratt tal-eroj tiegħu Duminku Mintoff u dan f’attentat biex jipprovoka reazzjoni li seta’ mbagħad jisfrutta.
Bit-tama li jipprovoka r-rabja, qabbad lill-impjegati tal-partit tiegħu biex jiffastidjaw lill-familja ta’ Daphne bil-ġbid ta’ video recording f’wiċċhom u dan biex jipprova jwassal il-messaġġ infami tiegħu li dawn huma l-familja tas-“saħħara”.
Ġiegħel lir-regolatur tal-ippjanar li jqum mir-raqda perpetwa tiegħu biex mit-toroq jitneħħew posters b’messaġġi ta’ protesta kontrih, liema posters l-operatur kellu l-“ardir” li jaċċetta.
Ġiegħel riġment ta’ qaddejja biex minn fuq l-internet jippruvaw jiffastidjaw, jintimidaw u joħonqu l-fehmiet tal-oppożizzjoni: ibda’ b’Neville Gafà, Rosianne Cutajar u Robert Musumeci li jiktbu taħt isimhom u li jerfgħu ir-responsabbilità ta’ dak li jiktbu u kompli bil-lagħqa anonimi li jgaraw il-ġebla u mbagħad jaħbu idhom.
U l-bieraħ qabbad lil wieħed mill-eks ministri tiegħu biex jitkellmu għalih f’attentat iddisprat biex ibeżżgħu lil David Casa milli jippreżenta lill-Maġistrat kopja midfuna tal-investigazzjoni tal-FIAU.
David Casa ilu jgħid għal ġimgħat sħaħ li f’idejħ għandu dan ir-rapport li, skont hu, fih provi li jistgħu iwasslu biex Konrad Mizzi jispiċċa l-ħabs. Dalgħodu ħadd ma staqsieh jekk il-pulizija kinitx talbitu jkunx lest li jikkopera magħha f’investigazzjoni dwar dak li hemm fir-rapport.
Din il-mistoqsija kont tistenna li ssir li kieku qegħdin ngħixu f’pajjiż normali.
Il-fatt biss li għall-pulizija kien qisu ma ġara’ xejn meta David Casa stqarr pubblikament li għandu l-provi f’idejħ ta’ attivita’ kriminali, jagħti raġun sħiħ lil dawk kollha li qed jipprotestaw kontra l-impunità li hawn fil-pajjiż.
David Casa ma marx il-Qorti llum għall-għarrieda u mingħajr ma stqarr minn qabel ir-raġuni għala kien se jidħol il-Qorti. U, għal ġieħna, għall-pulizija qiesu ma ġara’ xejn!
Jeħtieġ li tifhmu sew dak li qed ngħid, jekk jogħġobkom. Għaliex hemm bosta li għad m’humiex jifhmu għal kollox.
Jekk jien kelli nħabbar minn fuq ir-radju li għandu f’idejja informazzjoni li Ċikku qatel lil martu, hi ħaġa minn ewl id-dinja li l-pulizija jibgħatu għalija biex jistaqsuni x’naf u kif sirt naf. Dan m’hu xejn ħlief sens komun. Il-pulizija għalhekk qiegħda hemm.
U dan kien eżatt dak li l-pulizija naqset li tagħmel kemm David Casa ħabbar ilu li kellu informazzjoni dwar reati kriminali li tagħhom tista’ teħel ikla ħabs żul minn hemm.
U sal-bieraħ Joseph Muscat sab qaddej f’Manwel Mallia li għoġbu jhedded bil-ħabs lil David Casa kemm il-darba dan jazzarda li jikkollabora mal-istituzzjonijiet tal-istat fl-investigazzjoni ta’ dawn ir-reati kriminali.
Malta: pajjiż fejn kollox jinsab ta’ taħt fuq. Uffiċjalment.
Biex nikkwota minn Chris Hedges: għandna prim ministru li jrid lit-tobba jeqirdulna s-saħħa, lill-avukati tagħna li jeqirdulna l-ġustizzja, lill-universitajiet tagħna li jeqirdu t-tagħlim, lix-xandara li jeqirdu l-informazzjoni, lill-pulizija tagħna li teqred il-libertà, lir-reliġjonijiet tagħna li jeqirdu l-morali u lill-banek tagħna li jeqirdu l-ekonomija.