Remington Outdoor Company Inc., kumpannija li bħal Steward Health Group hi proprjetà ta’ Cerberus Capital Management, għadha kemm applikat biex tiġi dikjarata falluta u dan minħabba dejn li għandha ta’ ftit inqas minn biljun dollaru Amerikan.

Remington hi waħda mill-ikbar ditti Amerikani li tipproduċi l-armi tan-nar.

Skond rapport imxandar minn Reuters, Remington stqarret li ser tirċievi finanzjament fallimentari ta’ $145 miljun biex il-kumpannnija tkun tista’ tħallas dejnha permezz ta’ proċess legali imsejjaħ “Kapitlu 11”. Remington għandha l-ħsieb li tapplika fil-Qorti Fallimentari ta’ Delaware biex tiġi dikjarata falluta biex b’hekk tkun tista’ tiżgiċċa minn madwar $700 miljun f’dejn.

Bħala riżultat tal-proċeduri fallimetari li ser jittieħdu Cerberus Capital Management LP,  kumpannija privata li hi sid Remington, m’hux se tibqa’ proprjetarja tal-kumpannija. Il-kredituri tal-kumpannija, fosthom Franklin Templeton Investments u JPMorgan Asset Management, se jigħataw ishma bi ħlas tal-kreditu li għandhom.

Stewart Health Group, li hi proprjetà ta’ Cerberus Capital Management, dan l-agar akkwistat mingħand il-Vitals l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li l-gvern ta l-kunsens tiegħu biex seta’ jsir it-trasferiment.

Skond rapport riċenti mxandar fuq Times of Malta, Stewart Health Group biegħ lill-iżviluppaturi sptar f’Massachusetts wara li dan l-isptar kien ingħalaq għax ma kienux qed isiru biżżejjed profitti minnu.