Id-deputat parlamentari tal-PN Jason Azzopardi ftit ilu kien ippreżenta abbozz ta’ liġi bil-għan li l-infurzar mill-Qrati Maltin ta’ kawżi dwar malafama fi Qrati barranin ma jkunx legalment permissibbli. Liġi bħal din teżisti f’dawk il-pajjiżi li jħarsu lill-ġurnalisti tagħhom mill-effett kexkiexi ta’ kawżi ta’ libell li jsiru minn kumpanniji għonja f’pajjiżi fejn l-ispejjeż legali jkunu tali li diffiċli ħafna li tlaħħaq magħhom u dan bl-iskop li jqiegħdu sarima ma’ ħalq kull min jikkritikahom.

Din it-theddida serja ta’ falliment finanzjarju ħafna drabi tkun biżżejjed biex iġġiegħel lix-xandara u lill-ġurnalisti biex joqgħodu pass lura. Il-ġurnali Times of Malta, Malta Independent u Malta Today ilkoll ċedew l-armi meta ġew iffaċċjati mit-theddid bħal dan ġej mingħand tal-Pilatus Bank. L-istejjer li dawn kienu xandru dwar dan il-Bank kienu tneħħew iżda kollha jinsabu f’din il-website.

Ta’ The Shift News ġew ukoll mhedda b’kawża ta’ din ix-xorta minn Henley & Partners iżda din it-theddida dawn injorawha.

Tal-Pilatus Bank kienu fetħu kawża kontra Daphne Caruana Galizia f’Arizona iżda din ġiet irtirata 8 sigħat wara l-qtil tagħha.

Minkejja dawn l-inċidenti, jew forsi minħabba fihom, il-gvern iddikjara li għalih l-abbozz ta’ liġi li pproponiet l-oppożizzjoni mhix priorità.

Il-gvernijiet is-soltu jinjoraw kull abbozz ta’ liġi propost mill-oppożizzjoni meta joqgħodu lura milli jsejjħu seduti parlamentari nhar ta’ Ħamis, il-jum li fiħ abbozzi privati bħal dawn jiġu diskussi.

Iżda llum il-Parlament qed jiddiskuti fi stadju ta’ kumitat il-liġi l-ġdida tal-istampa proposta mill-gvern u Jason Azzopardi informa lill-Kamra li kien bi ħsiebu jipproponi emendi għal dan l-abbozz billi jiddaħħlu fiħ klawsoli mill-abbozz privat li kien ippropona hu.

Dan il-gvern, li ma ddardarx ineħħi billboards bi kritika kontriħ, se jerġa’ jagħmel l-istess u jwarrab proposta biex jitneħħa kull periklu kontra l-libertà tal-kelma – periklu li qed jaqdi l-interessi ta’ ċerti nies għax iservi biex inaffar lill-ġurnalisti milli jinvestigaw bis-serjetà il-ħmieġ tagħhom?