Il-kunflitt ta’ interess mhuwiex kunċett fl-assolut. M’huwiex bħall-verġinita’: jew int verġni jew m’intix.
Din hija r-raġuni l-għala dan is-suġġett iqajjem il-kontroversja. Min jinsab fil-ħajja pubblika jaf li jeżistu fruntieri li, għalkemm huma inviżibbli, m’għandhom qatt jinqabżu. Normalment wieħed għandu jistenna li, tul il-medda taż-żmien, il-livelli tal-inġieba u l-aspettattivi jinbidlu u jsiru inqas diskrezzjonali u ambigwi.
Imħallef m’għandux jitħallat ma’ nies li jistgħu jidhru quddiemu għall-ġudizzju tiegħu. U biex żgur ma jsibux ruħħom f’pożizzjoni skomda li tista’ tikkompromettihom, uħud mill-Imħallfin igħixu qishom eremiti. Oħrajn huma tal-fehma li m’għandniex nesaġeraw u għaldaqstant jaċċettaw l-istediniet għat-tiġijiet. Xi oħrajn jorganizzaw il-festini u jispiċċaw fis-sakra mal-pulizija, mal-ġurnalisti u ma’ ċerti manigoldi. Ċertament, lil hemm jew lil hawn, xi linja tkun trid tinqata’. Mhux possibbli li toħloq liġijiet perfetti iżda wieħed ma jridx wisq biex jinduna li żżejjed huwa kollu żejjed.
Din il-ġimgħa Joseph Muscat ried bħal donnu jserrħilna rasna ripetutament li l-assistent personali tiegħu Keith Schembri m’għandux kunflitt ta’ interess.
Malcolm Scerri, is-sieħeb fin-negozju ta’ Keith Schembri, qed imexxi n-negozju ta’ sieħbu. Il-gvern ħareġ b’politika favur ir-riċiklaġġ tal-fliexken tal-plastik. U ħariġha fi żmien meta Malcolm Scerri kumbinazzjoni ddeċieda li jinvesti f’dan il-qasam u li fih jistenna li jkollu pożizjoni dominanti. Ittantaw iserrħulna rasna li ma kien hemm ħadd minn “ta’ ġewwa” li kien jaf b’dak li l-gvern kellu f’moħħu. Iżda l-verita’ hi li m’għandniex moħħna mistrieħ li, minn din il-politika li hu stess għen biex tfasslet, Keith Schembri m’huwiex se jgawdi personalment.
Il-mara ta’ Keith Schembri hi sidt ta’ kumpannija li tifforma parti mill-grupp tiegħu li tipprovdi servizzi fil-Mediterranean Film Studios. Keith Schembri personalment qed jirsisti mal-gvern biex jieħu taħt idejħ il-Film Studios. Il-politika tal-gvern dwar it-tmexxija ta’ din l-azjenda u dwar kif u min għandu jgawdi tinsab f’idejħ.
Lo and behold, it’s @keithaschembri again! The frontman for his Kasco business interests now wants to get hold of the lucrative plastic bottle redycling business. It’s one big feeding frenzy. @BorgJake https://t.co/w80CiGBBJw
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) February 6, 2018
Keith Schembri huwa l-aġent f’Malta tad-ditta tat-tagħmir li qed jużaw Crane Currency. Kien hu li fassal il-politika favur l-inċentivi li tħallset biex dawn ġew hawn Malta. U hekk kif tħajjru li jiġu hawn bis-saħħa ta’ dawn l-inċentivi, il-valur tal-klient personali ta’ Keith Schembri żdied bil-bosta u issa se jinbiegħ lil sidien ġodda. Il-politika tal-gvern qed tiffavorixxi l-interessi privati u dawn l-interessi għandhom irbit dirett ma’ Keith Schembri.
U dawn qed jistennewna li nikkunsidraw dan it-taħwid kollu bħala kunflitt ta’ interess aċċettabbli. Għal Joseph Muscat huwa kunflitt aċċettabbli li jkollok il-mara sħab fin-negozju ma’ persuna maħtura direttament biex tmexxi uffiċċju f’New York. Għalih m’hemmx kunflitt ta’ interess meta l-mara ta’ Ministru tinħatar direttament bħala Konslu f’Shanghai. U l-istorja tkompli.
Kien hemm żmien meta Joseph Muscat kien jiskandalizza ruħu li Ministru jaċċetta b’rigal (għax kien staħa jirrifjutaħ) arloġġ tas-sold u nofs li jiddendel mal-ħajt. Iżda issa, għal Joseph Muscat kollox igħaddi.
Għax meta jiġi biex jiddeċiedi dwar kunflitti li jkunu mdaħħlin fihom hu, martu u ħbiebu, Joseph Muscat jitlef is-sens tal-ġudizzju kollu. U dan fih innifsu huwa l-kunflitt ta’ interess aħħari.