Din hi traduzzjoni tal-artiklu tiegħi fis-Sunday Times illum:

 

It-ton ċertament idarrsek. Qatt ma kien ħelu wisq, biex ngħidu kollox. Daphne Caruana Galizia mietet erba’ xhur ilu. U waqt li l-blast tal-isplużjoni kienet għada qed tidwi, il-Prim Ministru daħal fix-xena. Uriena kemm taparsi jrid li ssir ġustizzja u stqarr li ma jaċċettahx dal-qtil. Ried jurina x’xempju ta’ raġel fih, iżda ma rnexxilux meta rrifjuta milli jikkundanna l-qtil bla riżervi.

Mill-bidu nett, il-Prim Ministru ried jilgħabha tal-vittma. Fakkarna lkoll kemm kien ilu jaqla’ kritika mingħand Daphne Caruana Galizia, b’tali mod li ċaħħadha milli tkun hi l-veru vittma anki waqt li biċċiet ta’ ġisimha kienu għadhom mifruxa fit-triq fejn ħadet l-aħħar nifs tagħha. L-implikazzjoni kienet ċara: ma setgħetx tidher hi l-vittma jekk ħaddieħor iħoss li kien ivvittimizzat minnha.

Wara ġurnata jew tnejn ta’ kummenti puliti (u ħafna minnha xammewha dil-falsità anki f’dawk il-jiem bikrija), bdew iċ-ċelebrazzjonijiet. Xi ħadd b’aċċess għall-post tad-delitt ġibed ritratti ta’ riġlejha mbiċċrin u xerridhom, bħal donnha niżlitlu għasel.

Oħrajn xerrdu messaġġi ta’ sodisfazzjon hekk kif raw it-tmiem tagħha; stqarru li l-uniku dispjaċir tagħhom kien li jaf qatt ma ndunat b’dak li kienet għaddejja minnu, għalkemm malajr indunaw kemm fil-fatt kienet konxja. Jien rajt xi wħud minn dawn il-messaġġi. Ma kinux indirizzati lili, imma wrewhomli xorta waħda.

Imbagħad, dawk verament skjetti u kiefra għaddew mis-sigurtà ta’ messaġġi encrypted għall-ftuħ li ġġib dikjarazzjoni fuq il-Facebook. Għall-bidu dawn il-messaġġi ħasduna, lilna li għandna qalb. Irrabjawna. U issa li qed jgħollu u jgħollu leħinhom, irrassenjajna ruħna għall-fatt li din il-krudeltà – dan l-eżempju li tana l-Prim Minsitru stess siegħa jew tnejn wara l-assassinju – huwa stat ta’ fatt li rridu naċċettawh jekk irridu nibqgħu ngħixu hawn.

Daphne Caruana Galizia kellha tgħix b’dan l-istat ta’ fatt. Għaliex aħna le?

Il-ġimgħa l-oħra, il-Kunsill tal-Belt iddibatta mozzjoni biex il-fjuri, ix-xemgħat u l-messaġġi li jħallu dawk li jżuru l-monument faċċata tal-Qorti tal-Ġustizzja jitneħħew. Din il-mozzjoni nġiebet fix-xejn, għalkemm nistennew li xi ħadd jerġa’ jqajjem id-dibattitu, bħal epidemija li tfaqqa’ minn żmien għal żmien.

M’għandix il-ħsieb nerġa’ noqgħod niddefendi d-dritt bażiku li nagħti tislima xierqa.

Għadni xxukkjat bil-fatt li l-Partit Laburista rnexxielu jiġma’ l-klikka tiegħu għal laqgħa tal-kunsill. Mhux qed ingorr għax ibbuwjaw lil David Casa, jew lil Karol Aquilina jew lil Marlene Farrugia. Jew lili. Għall-politiċi, li ħaddieħor ifixklek milli titkellem huwa parti mill-ħajja. U għalkemm jien m’iniex imdaħħal fil-politika, nammetti li l-blogg tiegħi mhux mill-ħelwin wisq, u allura nistenna li nkun mira leġittima għal dan it-tgħajjir.

Li ma nistax inniżżel huwa kif il-Lejber, li seta’ kien u seta’ ma kienx responsabbli mill-mewt tagħha, qed jerġa jassassinaha billi jħammeġ il-memorja tagħha darba, wara l-oħra, wara l-oħra.

Li ma nistax inniżżel huwa kif il-Lejber jinsisti li jittratta lill-qraba ta’ Daphne. L-armel tagħha u ż-żewġ ħutha bniet kienu hemm għal-laqgħa biex ikunu xhieda għal diskussjoni li ċertament sabuha iebsa u kiefra mmens. Dawn, flimkien ma’ membri oħra tal-familja Caruana Galizia, attendew għal kull xorta ta’ avvenimenti li saru f’ġieħha mill-mewt tagħha ‘l hawn. U żammew silenzju dinjituż quddiem kull xorta ta’ aġir mhux xieraq, u rari tkellmu, tkellmu biss biex jagħtuha tislima xierqa.

Il-ġimgħa l-oħra kont il-Qorti bilqiegħda wara t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne. U warajja kien hemm ommha, missierha u żewġ ħutha bniet. Ma stajtx inħares lejn wiċċhom. Iżda kont konxju ferm tal-preżenza tagħhom hekk kif il-Qorti kienet qed tisma’ xhud jiddeskrivi lil Daphne waqt dawk il-mumenti qosra bejn l-ewwel splużjoni u t-tieni waħda, li temmitha.

Kull min kien preżenti għal-laqgħa tal-kunsill tal-Belt kien jaf xi ġralha Daphne Caruana Galizia. Nimmaġina li huma umani biżżejjed biex jifhmu xi tħoss meta ġġarrab telfa daqstant ħarxa. Minkejja dan, insultawhom lil qrabatha. Niggżuhom, importunawhom, ibbuwjawlhom, għajruhom, xejru jdejhom f’wiċċhom u kasbru kull forma ta’ apprezzament lejn is-sinifikat tat-telfa li ġarrbu.

Wieħed li introduċa ruħu bħala kandidat prospettiv għall-kariga ta’ Sindku tal-Belt stqarr, li “ma jaqbilx għal kollox mal-qtil ta’ Daphne” iżda l-mafkar bil-fjuri l-Belt huwa offensiv għall-kostitwenti tiegħu.

Kien hemm ieħor li taparsi ixxiegħer tnejn kif waħda mill-aħwa ta’ Daphne ppuntat lejn il-mobile tiegħu. Bħal donnu ma xammhiex l-ironija li kien qed jilgħabha tal-vittma quddiem il-familja tal-veru vittma, u kemm kien redikolu jagħmilha tal-imwerwer quddiem mara fiha daqs nofsu.

Għalija huwa verament inkredibbli kif dawn iż-żewġt irġiel kapaċi joħorġu minn dik il-kamra u jmorru fil-kumdità tal-paġni tal-Facebook tagħhom biex jiddeskrivu lilhom infushom bħala l-vittmi u, fil-każ ta’ wieħed minnhom, saħansitra jiġbed lejh dikjarazzjoni ta’ solidarjetà mill-assoċjazzjoni ta’ propagandisti finanzjati mill-Istat li jsejħu lilhom infushom l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Hemm armata zombies bla ruħ issegwi l-passi ta’ Joseph Muscat, armata li ħsiebha biex tilgħabha tal-vittma waqt li tkompli tqatta’ biċċiet lill-ġurnalista li waqfitilhom

Il-biċċa bdiet b’messaġġi Whatsapp sigrieti. Imbagħad dorna għall-Facebook. U issa l-għadab qed jixtered mill-kunsilliera tal-Partit Laburista, mill-impjegati tal-Partit Laburista, mill-kandidati u l-uffiċjali tal-Partit Laburista, u mill-voluntiera u l-attivisti waqt lagħat pubbliċi quddiem udjenza ristretta. Il-passi li jmiss tagħhom għad iridu jkunu saħansitra agħar.

Hekk tmut id-demokrazija.