Kont naħseb li nista’ nimmaġina x’iħossu l-propagandisti u l-istrateġisti ta’ min ikun jinsab minn taħt fis-sondaġġi huma u jaraw ebda ċaqlieq ‘il fuq fl-appoġġ. L-istrateġisti tal-PN ma setgħux sabu wisq fuqhiex jistgħu jittamaw wara li t-Torċa xandret is-sondaġġi tagħha. Jew forsi m’għadnix nista’ nimmaġina dawn l-affarijiet.
Vantaġġ ta’ 25 punt diffiċli li jingħeleb. Dan huwa d-distakk bejn dawk li jidhrilhom li Joseph Muscat huwa l-persuna adatta biex ikun prim ministru u dawk li huma tal-fehma li Adrian Delia jkun l-aħjar persuna għal din il-kariga.
Adrian Delia qed jikkontendi ma’ xi żvantaġġi naturali. F’moħħ il-poplu Joseph Muscat huwa l-prim ministru. Mhux kulħadd jista’ jimmaġina li hemm ħaddieħor li jista’ jeħodlu postu. Bħal qisu hemm bosta li m’humiex kapaċi jimmaġinaw f’moħħhom kif ikun post żdingat wara li dan jiġi konvertit u rranġat.
Hemm ukoll il-fattur li Adrian Delia qed jittanta jmexxi negozju li huwa prattikament fallut: hawn qed nirreferi għall-partit. Tal-Labour min jaf minn fejn iġibu l-flus? Flus li jonfquhom bħallikieku jinsabu f’bir bla qiegħ. Diffiċli li tikkompeti ma’ partit li għaliħ il-flus m’humiex problema – partit li jista’ jberbaq kemm irid ukoll għaliex hemm l-istat jagħmel tajjeb għall-propaganda partiġġjana.
Adrian Delia għadu kemm ħareġ rebbieħ wara t-tellieqa riċenti għat-tmexxija. Huwa naturali li jkun jeħtieġ li jgħaddi ftit żmien biex jingħalqu l-feriti u biex imbagħad kulħadd jispiċċa jiġbed l-istess ħabel.
L-istrateġisti u l-propagandisti jistgħu jittamaw li jiġri dan. Iżda jistgħu ukoll iħossu li – sakemm ma jseħħx xi miraklu – m’hemm ebda tama li l-PN jirbaħ elezzjoni dment li l-affarijiet jibqgħu kif inhuma. U elezzjoni l-PN la jista’ jirbaħha s-sena d-dieħla, la erba’ snin oħra u lanqas qatt.
Wara kollox, jekk Joseph Muscat jitlef xi voti l-propagandisti u l-istrateġisti tiegħu ikollhom ħafna għal xiex jikkunslaw.
Ikunu jistgħu jgħidu li hi ħaġa minn ewl id-dinja li min ikun qed imexxi jnaqqas xi ftit l-appoġġ speċjalment wara li tkun għadha kemm għaddiet elezzjoni u meta l-apettattivi tan-nies ikunu għoljin u jista’ jkun moralment doveruż li wieħed jiddiżappunta lil xi wħud.
Ikunu jistgħu jgħidu li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u l-kritika mbarazzanti li xxandret fil-ġurnali barranin setgħet artifiċjalment effettwat ħażin il-popolarità tiegħu.
Ikunu jistgħu jgħidu li ġaladarba diġa’ ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta elezzjoni oħra, l-attenzjoni setgħet intefgħet fuq mexxejja oħra prospettivi tal-Partit Laburista jew anki fuq il-kap tal-oppożizzjoni. Iżda kollox jindika li Joseph Muscat ma naqqas xejn mill-appoġġ li kellu.
Is-sitwazzjoni preżenti hi kemm kemm agħar minn dik ta’ wara r-riżultat tal-elezzjoni tal-2017. Issa għaddew tmien xhur li matulhom seħħew ħafna ġrajjiet iżda d-distakk bejn iż-żewġ partiti baqa’ l-istess u, jekk xejn, il-PN huwa aktar dgħajjef.
Fil-ġranet ta’ wara t-telfa, bosta kienu dawk li esprimew fehmithom dwar ir-rimedji kellu jieħu l-PN. Iżda kien hemm fehma waħda li ddominat.
U din kienet li kienet meħtieġa bidla radikali.
U skond din il-fahma predominanti, biex setgħet isseħħ din il-bidla l-ewwel ħaġa li kellu jagħmel il-partit kienet li jeleġġi mexxej minn barra. Jiġifieri xi ħadd li ma kellux x’jaqsam mad-deċiżjonijiet xejn popolari li kien ħa Lawrence Gonzi jew mal-kampanja iffokata kontra l-korruzzjoni ta’ Simon Busuttil, biss seta’ jwassal il-vapur tal-partit fil-port.
Din id-domma ttieħdet mit-tifsira popolari tal-kelma “ġennata”: tagħmel l-istess ħaġa għal għexieren ta’ drabi u tistenna riżultati differenti.
It-tieni nett: qalu li l-agenda tal-partit kellha tinbidel. Dak li ssejjaħ bħala negattiviżmu u xiljiet fuq korruzzjoni kellhom jipiċċaw u dan it-tibdil seta’ jagħmlu biss xi ħadd ġdid.
It-tielet: qalu li l-PN ma setax ikompli jimxu fuq aġenda “dettata minn Daphne Caruana Galizia”. Għall-bidu sar ħafna plejtu sakemm xi ħadd ħasdilha ħajjitha u ma setgħet tiddetta xejn aktar lil ħadd. Din il-bidla spiċċat seħħet faċilment bis-saħħa tal-intervent dijaboliku ta’ xi ħadd ieħor.
Dawn it-tliet miri, ippjanati f’Ġunju li għadda x’imkien fin-Naxxar, issa ntlaħqu.
Il-mexxej il-ġdid ħa t-tmexxija tal-partit ħieles mid-dellijiet ta’ Gonzi u ta’ Busuttil. U f’daqqa waħda feġġet il-famuża “posittività” li damet għal żmien ġmielu timraħ fost l-oppożizzjoni parlamentari. Eventwalment iżda reġa’ beda’ d-diskors kontra l-korruzzjoni bħal fi żmien Simon Busuttil. U finalment, issa m’hemm ebda Daphne Caruana Galizia biex tiddetta lill-PN.
Allura, ngħid jien, ir-riżultati tal-“Mod Ġdid” meta kienu qed jistennewhom? Iż-żerriegħa li ħawlu meta kienu qed jistennew li tibda’ xxettel? Għax issa huwa ż-żmien hekk kif Joseph Muscat qed isaħħaħ idu fuq il-poter.
Hekk kif, xahar wara xahar, is-sondaġġi jibqgħu negattivi ikun jaqblilna jekk inżommu f’moħħna t-tifsira vera tal-kelma “ġennata”.