Nhar il-Ġimgħa se nkun imsiefer fuq impenn li kien ilu ppjanat, imma l-protesta li se jagħmlu Il-Kenniesa fil-Belt Valletta bit-tema ‘il-ġurnaliżmu mhux reat’ verament jixirqilha l-appoġġ ta’ kull min jista’ jattendi għaliha.
Anke l-għaqda Reporters without Borders se tkun preżenti.
Għax anke ħajjithom inbidlet bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. U inqas minn 5 xhur wara, ġurnalist investigattiv ieħor inqatel fl-Ewropa talli kixef il-komplotti bejn il-politiċi u n-negozjanti l-kbar.
Qisu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġabna konxji li l-libertà tal-espressjoni f’Malta u fi nħawi oħra mdallma tal-Ewropa li wkoll huma maħkuma mill-morsa tal-korruzzjoni, bħal Bratislava, issa ma għandhiex tittieħed aktar for granted.
L-għażla li d-dimostrazzjoni ssir nhar il-Ġimgħa għandha tifsira speċjali, anke jekk ta’ diqa. Dakinhar jaħbat l-10 anniversarju minn meta Daphne Caruana Galizia biddlet fehemtha u daħlet fid-dinja tal-blogs li snin twal wara nistgħu ngħidu li bil-ħila tagħha u mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd, ittrasformatha.
Iva, f’Malta kellna blogs diġà, qabel Daphne. Imma dawn kienu sempliċiment spazji fejn isir ftit dibattitu, okkażjonijiet biex wieħed joqgħod jitkeb fuqu nnifsu, ċertament opportunitajiet biex dak li jkun jiffoka fuqu nnifsu. Anke l-aktar awturi kapaċi ta’ dawk iż-żminijiet, li wħud minnhom għadhom jiktbu sal-lum, jammettu li l-blogs li kellna aktar kienu lok għal kitbiet bejn il-ħbieb fejn dak li jkun jirrakkonta dak li jkun għadda minnu.
Il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia ġew interrotti ħesrem ftit qabel għeluq l-10 snin minn meta bdiet tikteb. Anniversarju li probabbli xorta ma kinitx tiċċelebrah. Qattajna ħafna ħin nirriflettu fuq l-aħħar kelmiet li kitbet fil-blog tagħha dakinhar li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017 waranofsinhar – jum li m’aħna se ninsewh qatt. Il-kliem ‘crooks everywhere’ u ‘situation is desperate’ se jibqgħu f’moħħna għal dejjem.
Imma llum nistedinkom tirriflettu fuq l-ewwel kelmiet li kitbet meta daħlet fid-dinja tal-blogging fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Marzu 2008. “Zero tolerance for corruption” – bil-Malti, “Tolleranza żero għall-korruzzjoni.”
Qisu hemm rabta bejn l-ewwel titlu u l-aħħar kumment tagħha li mal-ewwel daqqa t’għajn taħsibha xi ħaġa vvintata, imma fir-realtà hija indikazzjoni tal-fedeltà tagħha, il-kuraġġ tagħha, u l-impenn li tipprovdi lin-nazzjon wieħed mill-aktar servizzi diffiċli li possibbilment wieħed jista’ jkollu l-vokazzjoni li jsegwi.
Jien kont naf lil Daphne Caruana Galizia ħafna snin qabel ma bdiet tikteb il-blog tagħha. Kont nammira l-kitbiet u l-artikli tagħha minn żmien twil qabel. Naturalment il-blog biddel kollox u kompla jżidilha l-popolarità.
Imma tul l-aħħar erba’ xhur li matulhom bdejt nesperimenta bil-blog tiegħi u hi qabdet xi artikli minn tiegħi u għamlet riferenza għalihom fuq tagħha, tkellimna dwar l-esperjenza tagħha. Dan kien iż-żmien meta bdiet tirċievi wkoll kritika mingħand uħud mill-partitarji tal-PN apparti l-ħmieġ u l-offiżi tas-soltu min-naħa tat-trolls esperti tal-Labour. Immaterjalment minn fejn ikun ġej, il-ħmieġ dejjem jinten, u l-insulti dejjem iweġġgħu.
Għal xi żmien f’Ġunju li għadda kienet qed ittella’ u tniżżel jekk għandhiex tieqaf mill-blog tagħha. Wara kollox kien ilha għaddejja 9 snin, u altru milli kienet tat kulma setgħet tagħti għall-pajjiż.
Imma mbagħad iddeċidiet li tkompli tikteb għax kien hemm aktar x’jinkixef u ladarba setgħet, ħasset li hu d-dmir tagħha li tagħti kulma tista’. Sakemm itteħdilha kollox.
Għadni ma nafx eżatt x’inhi l-istorja ta’ Jan Kuciak ħlief għall-ewwel ftit dettalji li qed jaslu minn Bratislava. Imma jidher li l-istorja hi simili għal dik ta’ Daphne Caruana Galizia, għall-inqas f’uħud mill-aspetti tagħha. Suldat ieħor li ġġieled għall-verità li spiċċa assassinat waqt li pajjiżu jibqa’ għaddej, ingrat, qisu ma ġara xejn.
Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu, għal ftit sigħat, ingħaqad ma’ Il-Kenniesa barra l-Parlament biex jiġu mfakkra 10 snin (neqsin 5 xhur) ta’ blogs minn Daphne Caruana Galizia u anke biex tiftakar kif ħajtek kienet tkun differenti kieku llum ma tafx dak li hi skopriet f’ismek.