Updated 16:00. Hawnhekk issibu kopja tas-Sentenza tal-Maġistrat Joe Mifsud. Il-premessi għall-konklużjoni tiegħu huma dokumentati bir-reqqa, allura jista’ jkun hemm analiżi alternattiva għar-raġunament tiegħu. 30_01_2018-3_2018-109986
Lill-Maġistrat Joe Mifsud ili nafu bosta snin. Kien l-ewwel boss tiegħi meta kien il-kap tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Bay Radio. Kelli 15-il sena u kont għadni ħalib ommi fi snieni, bla esperjenza ta’ xejn. Joe Mifsud ma kellux paċenzja imma xogħlu kien jafu. U tgħallimt xi affarijiet mingħandu li swewli meta bla pjan ta’ xejn erġajt mort għall-ġurnaliżmu 25 sena wara.
Filwaqt li jien ġejt lura minn fejn bdejt, Joe Mifsud hu Maġistrat u bħala tali hu wieħed uniku għaliex l-esperjenza tiegħu fil-ġurnaliżmu u l-politika tinforma s-sensittività tal-media dwar xogħlu u s-sentenzi tal-Qorti tiegħu. Hu jaf iktar minn ħaddieħor x’se jispiċċa fl-aħbarijiet, u dan l-għarfien jużah. Il-Maġistrati tagħna ma jistgħux jitkeċċew għalkemm teknikament jistgħu jingħataw promozzjoni. Normalment ftit li xejn ikollhom motivazzjoni biex ifittxu li jkunu protagonisti. Wieħed pjuttost iqarras wiċċu lejn min minnhom ifittex il-protagoniżmu. U biex inkomplu bil-metafori tal-wiċċ, kien hemm minn kemmex xbinu għal xi kwotazzjonijiet minn tiegħu.
Ir-rimarki tiegħu meta ħeles lil Brandon Bartolo, akkużat b’diskors ta’ mibegħda meta qal “Tmur tihdu f’.. kemm anda … awnhekkedin pajjizna .. ahna religjon wihed biss … huma guests iridu jimxu al ligijiet tagna … majogobomx?? F… off back to your country!'” fil-konfront tal-promotriċi tal-inklużjoni soċjali Sara Ezabe, kienu kontra l-loġika, biex ma ngħidx perikolużi.
Il-Maġistrat fittex li jempatizza ma’ Brandon Bartolo u li jiddefendi d-dritt tiegħu li jesprimi opinjoni msejsa fuq it-tħassib leġittimu dwar in-nuqqas ta’ politika effettiva dwar kif għandna nittrattaw l-immigrazzjoni.
Filwaqt li l-empatija u l-ħniena huma ċentrali għall-ġustizzja, l-istess huma l-loġika u l-konsistenza. Missier li joqtol lil ibnu jista’ jgħid li kien inkwetat dwar it-tisħin globali u pprova jnaqqas l-emissjonijiet billi jaċċerta ruħu li se jkun hemm inqas ħluq x’jitma’. Din it-tixbiha hi naqra mġebbda, veru, imma tafu xi rrid ngħid.
Jista’ jkun veru li hemm nuqqasijiet fil-politika dwar l-immigrazzjoni, għalkemm frankament dan ukoll hu dibattibbli. Imma anke jekk naċċettaw li dan hu minnu, il-problema ma tiġġustifikax li wieħed jeħodha kontra xi ħadd għajr dawk li huma responsabbli minnha.
Id-diskors ta’ mibegħda hu pprojbit għaliex minnu nnifsu jweġġa’. U għaliex jiġi qabel atti kriminali agħar. Kull fejn kien hemm kriżi ekonomika f’xi belt Ewropea, il-ħtija ntefgħet fuq il-Lhud. Il-Lhud kienu mżebilħa, ingħataw it-tort u ġew ibbuljati. Eventwalment kienu msawta, misruqa u eżiljati. Fl-aħħar inqatlu. Din hi r-raġuni għaliex għandna liġijiet kontra attakki bil-fomm jew kwalunkwe forma ta’ attakk ieħor fuq il-persuni minħabba l-grupp li jappartjenu għalih.
“Hawn biss spazju għal reliġjon waħda” hu diskors ta’ mibegħda. “Tmur tieħdu f’… kemm għandha lura lejn pajjiżha” hu diskors ta’ mibegħda wkoll.
Inħossni attakkat għaliex ma nappartjenix għar-reliġjon ta’ Brandon Bartolo, jekk tista’ tgħidilha hekk. U jekk b’reliġjon waħda jrid ifisser il-Kristjaneżmu, mela l-Kristjani wkoll għandu jħossuhom insultati bl-idea li dik il-minorità li għandna fidi differenti jixirqilha tiġi tturufnata. Wara kollox il-Kristjaneżmu hu reliġjon ta’ minorità f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, possibilment f’aktar pajjiżi minn dawk fejn il-Kristjaneżmu jgawdi l-maġġoranza.
U jien? F’liema pajjiż se mmur nieħdu f’.. kemm għandi? Hemm xi art imwiegħda fejn jistgħu jintbagħtu l-atei?
L-empatija mal-akkużat hi dover tal-ġustizzja. Imma l-empatija mal-vittma hija wkoll responsabbiltà. Il-Qrati tagħna għadhom kif qalu lill-ħafna bigotti ħodor madwarna, li huwa leġittimu li tibgħat lin-nies lura f’pajjiżhom jekk ikunu Musulmani jew jekk b’xi mod ma jkunux lebsin l-uniformi solenni taċ-ċenturjuni Rumani fil-Ġimgħa l-Kbira, anke jekk dan hu tabilħaqq pajjiżhom ¾ sakemm taħt il-vomtu u l-mibegħda jkollhom l-inkwiet ġenwin li l-politikanti mhumiex qed jagħmlu biżżejjed biex jikkontrollaw l-immigrazzjoni.
Din ma tistax tkun l-aħħar kelma tal-Qrati tagħna dwar dan.