Filwaqt li huwa pjuttost faċli li wieħed jipprova jpinġi kerha lil mara Russa li wiċċha s’issa għadna ma rajnihx u li jdendel it-tabella tal-motivazzjoni politika mal-istqarrijiet ta’ eks uffiċjal tal-pulizija, diffiċli ħafna li wieħed jipprova jpinġi lil Ali Sadr – sinjurun bla skrupli magħruf għas-swat sistematiku li kien jagħti lil martu u b’passaporti f’idu daqs kemm jesa’ ġildu – daqslikieku hu xi eroj.
U madankollu lit-trolls tal-Labour diġà qalulhom x’għandhom jagħmlu. Qalulhom biex imexxuha li Ali Sadr jinsab f’ħabs għax l-Amerikani riedu jpattuhielu talli sfidalhom is-sanzjonijiet oppressive u nġusti li kienu għamlu kontra l-popli tal-Iran u tal-Veneżwela. Qed ipinġuħ daqslikieku huwa xi Oskar Schindler li kien poġġa ħajtu fil-periklu meta sfida lil min kien qiegħed iwettaq reati tal-gwerra.
Jekk iriduna nagħmlu tixbiha mimm żmien il-gwerra, ngħiduha bla tlaqliq li Ali Sadr m’hu xejn ħlief ħalliel li qed jisfida sanzjonijiet ekonomiċi li minnhom infushom huma atti diplomatiċi ta’ trażżin. Ali Sadr m’akkwistax żewġ passporti tas-St Kitts & Nevis biex seta’ jaħrab minn xi kamp tal-konċentament tan-Nażisti. M’huwiex xi pilota Ingliż maqful f’xi ħabs Ġermaniż. Huwa ċar li tal-Labour qed jagħmlu minn kollox biex ireġġgħu lura l-ħsara li għamlet ir-rabta li Joseph Muscat għandu ma’ bniedem li f’Malta kien ilu li ġie mixli li ma tistax torbot fuqu u li issa l-Istati Uniti qed tixlieh li ilu hekk sa minn żogħżitu.
M’hemmx dubju li d-dehra ta’ Joseph u Michelle Muscat preżenti bħala mistednin fit-tieġ f’Venezja ta’ bniedem li issa jinsab maqful f’ħabs Amerikan għandha tagħmlilhom il-ħsara. Iżda għat-trolls tal-Labour kien Ali Sadr li gawda mill-presenza xintillanti ta’ Joseph u Michelle Muscat u dniebietu huma maħfura b’riħet il-fatt li jħokk mal-benjamin tagħhom u ma’ martu.
F’dan l-ambjent pervers li fiħ il-loġika tinqaleb ta’ taħt fuq, it-tixrid tas-sens komun isir impossibbli u b’konsegwenza l-konsistenza tingħata l-ġenb. U l-Kummissarju tal-Pulizija – bniedem li baqa’ ċass meta Ali Sadr ħeba l-provi 11 il-xahar ilu – jibqa’ jinsisti bir-ragħwa f’ħalqu li Maria Efimova għandha tiffaċċja l-ġustizzja. Dan huwa l-istess gvern li b’ħafna daqq ta’ trombi għadda l-liġi tal-whistleblower biex imbagħad għadu jagħmel minn kollox biex dan l-istatus jiċħdu lil Jonathan Ferris.
Qed ngħixu realtà fejn is-sewwa huwa biss ir-rieda tal-kbir mexxej.