Il-MFSA “keċċiet” lil Ali Sadr minn direttur tal-Pilatus Bank u ordnat li ma jibqgħux irisu transazzjonijiet la minnu, la mid-diretturi l-oħra, la mit-tmexxija tal-Bank u lanqas minn membri tal-familji tagħhom.

Allura issa ma jistgħux isiru telefonati tard bil-lejl biex jinfetaħ kont ta’ self ta’ miljun f’isem oħt iċ-Chairman u biex isir trasferiment malajr ġo kont f’New York f’isem “Buttardi”?

Patetika s-sitwazzjoni. Proprju issa ċċaqilqu għax l-Istati Uniti għalqed il-bieb f’wiċċ ħalliel li konna aħna lqajnieħ bi driegħi miftuħin. U issa tal-Labour sabu skuża: qed igħidu li l-uffiċjali tal-MFSA li kienu għarblu u approvaw l-applikazzjoni ta’ Ali Sadr biex jingħata liċenzja kienu inħatru mill-gvern tal-PN. Ħalluna tridu?

Ilkom tafu sentejn sħaħ x’kien bit-taħwid u kontu akkużajtu lil Daphne Caruana Galizia, lil Simon Busuttil u lil oħrajn b’tradiment, aġir ta’ sħaħar  u sedizzjoni.

Ħallejtu lil dan il-maħmuġ jaqdi lill-klienti kriminali tiegħu u juża lil Malta bħala bażi.

Ħammiġtu isem pajjiżna.

U llum Edward Scicluna kellu l-wiċċ igħid li fl-Amerika Ali Sadr ma ġie akkużat b’ebda reat li seħħ f’Malta. U żgur li ma kienx. Dak huwa xogħol il-gvern tiegħek, ja ċuċ. L-Istati Uniti tinforza l-liġijiet tagħha. Iżda hawn Malta il-ħbieb tal-gvern igħadduha lixxa.

Hekk hu, l-ħbieb. Ali Sadr, il-mistieden tat-tieġ il-favorit ta’ Christian Kalin, il-ħalliel l-ieħor li jsejjhilkom “Keith u Joseph” bħallikieku jiekol il-kirxa magħkom.

Ali Sadr, li l-FIAU skopriet li hu ħabib intimu ma’ Keith Schembri għal raġunijiet mhux dokumentati li nittamaw li nsiru nafu x’inhuma.

Ali Sadr, l-istess persuna li intom beriktuħ meta ħarrek lil Daphne Caruana Galizia fl-Arizona biex jipprova jeqridha u jeħliskom minnha.

Lil dan il-bniedem, b’aktar passaporti fi bwietu milli għandu snin ta’ esperjenza bankarja, poġġejtuh fiċ-ċentru tar-reputazzjoni tal-pajjiż. Irrendejtuna l-prostituti tiegħu.

U proprju issa issospendejtuh? X’ippretendejtu? Li kien se jitħalla jippresiedi l-laqgħat tal-bord tad-diretturi tal-Pilatus mill-ħabs federali ta’ New York? Ħsibtu li se timpressjonaw għax ktibtu ittra bi kliem pulit lil xi ħadd li għandu ċans kbir li jiekol ikla ħabs għal għomru?

Fejn hi l-inkjesta dwar l-operat tagħkom bħala gvern? Fejn hi l-inkjesta dwar l-operat tar-regolatur li ħareġ il-liċenzja? Fejn hi l-inkjesta dwar l-operat tal-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus maħmuġin li kienet għaddiet lill-Pilatus mill-għarbiel? Fejn hu r-rendikont tal-ispot checks u due diligence li minflok nasbu lil dan il-bniedem spiċċaw biex għattewlu xturu?

Fejn hi l-apoloġija tagħkom lil dik il-ġurnalista li nqatlet wara li kixfet dak kollu li kien qed iseħħ taħt imneħirkom? Intom injorajtuha għax dak kollu kien qed iseħħ bil-barka tagħkom.

Dik hi s-sinsla li għandek Edward Scicluna. U int Chris Fearne. U anke t-taparsi qaddisin l-oħrajn li qalu li jridu jżommu ‘l bogħod mill-korruzzjoni tal-kollegi tagħkom u li issa qed jagħmlu minn kollox biex jagħtuha l-kenn saħansitra anke fiż-żmien li qegħda tiġi konfermata mill-aġenziji ta’ infurzar federali tal-Istati Uniti.

Proprju issa qed tiċċaqalqu fuq Ali Sadr? Issa li mhux possibbli għalih li jilħaqkom u jirrikattakom bil-faħam kollu li jaf li għandkom? Taħsbu li issa ma jista’ għalikom ħadd u li mhux possibbli li tagħrqu miegħu? Mhux probabbli. Il-Bank għadu hemm. Il-klieti ta’ Ali Sadr għadhom hemm. Il-mod li biħ irnexxielu jakkwista liċenzja meta kien nieqed mill-kwalifiki u l-mod kif irnexxielu jżomm il-liċenzja meta kien diġà ċar li dan il-bniedem hu ħalliel, huma sigrieti li bqajtu tostruhom.

Ħsibtu li issa qlibna għal paġna ġdida. Iżda l-istorja għadha kif bdiet. U l-ismijiet tagħkom se jitniżżlu fi ktieb li għad irid jinkiteb.

Hu ħaseb li seta’ igħaddiha lixxa għax ħabib tagħkom. Intom ħsibtu li se tgħadduha lixxa għax intom ħbieb tiegħu.

Żmienkom għad jasal ukoll.