Edward Zammit Lewis il-bieraħ fuq it-televiżjoni ħareġ għonqu u insista li ħdax il-xahar ilu Ali Sadr kien biss qed iġorr miegħu xi bagalji mimlijn ħwejjeġ tal-ilbies meta dan inqabad ħiereġ inkiss inkiss b’bagalji kbar mill-bieb ta’ wara tal-Bank fis-satra tal-lejl.

Ħaġa verament tal-għaġeb li, hu u jiddefendi lil Michelle Muscat, Edward Zammit Lewis għażel li ma jillimitax ruħu għal dak li hu assolutament neċessarju. Seta’ faċilment stqarr li “m’għandix idea x’kien fihom dawk il-bagalji iżda ma jistax ikun li fihom seta’ kien hemm xi prova li Michelle Muscat hi sid l-Egrant għas-sempliċi raġuni li mhux veru li hi sid din il-kumpannija”.

Minflok għamel hekk, ħareġ għan-nofs biex jiddefendi bniedem li bħalissa jinsab arrestat jistenna li jgħaddi ġuri quddiem qorti federali Amerikana mixli b’reati li jistgħu jsarrfulu f’ikla ħabs għal għomru. Kull ma kellu fil-bagalji kienu ħwejjeġ tal-ilbies, assigurana Edward.

Nafu li ftit sigħat wara li seħħet ix-xena drammatika quddiem il-bieb tal-Pilatus Bank, ajruplan tal-Vistajet reġistrat bin-numru 9H-ILZ telaq minn Malta fi triqtu lejn Baku u wara baqa’ sejjer lejn id-Dubaj.

Ħadd ma qal dak iż-żmien li kien ra l-bagalji “mimlija bi ħwejjeġ maħmuġin” jiġu mgħobbija fuq l-ajruplan. Iżda kien hemm min ra lill-ajruplan jitlaq minn Malta u kompla jsegwih. L-iscreen shots li jidhru hawn isfel huma meħuda minn The Malta Independent.