Ta’ spiss nitkellmu dwar il-“ħwejjeġ” ġodda li libes Joseph Muscat u dwar id-delużjoni imperjalistika tiegħu imsejsa kif inhi fuq tafal li jista’ jarah kulħadd ħlief l-imperatur għarwien innifsu.

Għadni ma nistax nifhem kif Adrian Delia għadu m’huwiex juri l-iċken tħassib. Bħala werriet ta’ sensiela ta’ ħassieba politiċi, strateġisti bil-mustaċċi, riformaturi kapaċi u mexxejja li jispiraw, il-Partit Nazzjonalista jidher li sal-lum għadu ma sabx saqajh.

Il-PN qed jiċħad dak li diġa’ qed jidher li hu minn ewl id-dinja: li mhux possibbli li jirbaħ elezzjoni sakemm jibqa’ mmexxi minn Adrian Delia.

Issa erħilha li żgur se jitfaċċaw klikka ta’ trolls Nazzjonalisti – bla dubju akkwist mill-aktar sublimi tat-tmexxija l-ġdida – li se jfakkruni dwar il-karrozzi tal-linja li fis-sajf tal-2010 ma’ żammewx mal-ħin. F’moħħom għandi neħel jien u mhux dawk li qed imexxu l-Partit għas-sondaġġi xejn sbieħ ta’ taħt it-30 fil-mija li qed jixxandru minn żmien għal żmien.

Bosta huma dawk li ma jkunux iridu jiffaċċjaw il-fatti u allura jirrikorru għat-tgħajjr u għat-tmaqdir. Dalgħodu stess kien hemm min ried isammarni fuq il-Facebook għaliex il-bieraħ żvelajt l-aħbar li qed isiru investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus maħmuġin mis-sidien tas-Satabank – l-istess sidien li kienu telqu mil-Lussemburgu meta kienu qed jiffaċċjaw inkwiet simili f’dak il-pajjiż. Allura kkritikawni għax, skont huma, dak li żvelajt se jagħmel ħsara li dawk li jaqilgħu il-flus mis-servizzi li jagħtu lis-Satabank, bħal dak li qallu l-ħsara ssir frott l-iżvelar u mhux minn dak li ġie żvelat.

Jidher li hemm uħud li jaħsbu li siġra f’nofs foresta ma’ tagħmel ebda ħoss hekk kif titwaqqa’, dan kollu għax dak il-ħin forsi ma jkun hemm ħadd qed jissemma’.

Din hija l-loġika ta’ dawk li qed igħiduli li jmissni nistħi għaliex lil Adrian Delia m’hux qed nagħtih ċans. Dawn għandhom jifhmu li mhux xogħli li nagħti – jew inwarrab – iċ-ċansjiet minn ħoġor Adrian Delia jew il-PN. M’għandi ebda pretensjonijiet li naħseb li mingħajri ma jgħaddux u nifhem li ħadd m’għandu jippretendi li hu indispensabbli.

Skont l-aħħar sondaġġi, 84% ta’ dawk li vvutaw Labour fl-aħħar elezzjoni jerġgħu jagħmlu hekk jekk l-elezzjoni terġa’ ssir għada. Għalkemm din hija kisba rari għal kwalsiasi gvern, ma tfissirx li hi wkoll żieda fl-appoġġ. Fil-fatt tfisser li l-appoġġ naqas: dan huwa tnaqqis iżgħar minn dak li wieħed jistenna iżda xorta waħda jibqa’ dak li hu: jiġifieri tnaqqis.

Teżisti differenza kbira fl-appoġġ għaż-żewġ partiti fis-sondaġġi għaliex hemm reżistenza enormi minn naħa ta’ bosta votanti li fl-aħħar elezzjoni vvutaw PN. Fil-fatt 62% biss ta’ dawk li vvotaw PN iddikjaraw li se jerġgħu jivvutaw l-istess jekk l-elezzjoni ssir għada.

Ta’ dan jaħti l-PN u huwa tnaqqis ġej mill-kamp tal-PN stess.

Biex il-PN ikun jista’ jirbaħ elezzjoni madwar 20,000 li vvutaw Labour fl-aħħar elezzjoni jkun jeħtieġ li jivvutaw PN. U dan jista’ jseħħ biss jekk il-PN jirnexxielu iżomm l-appoġġ ta’ dawk li vvutawlu fl-elezzjoni li għaddiet.

Skond is-sondaġġi attwali, il-PL għandu jistenna li jġib 148,000 vot filwaqt li l-PN għandu jġib 84,000 – differenza netta ta’ 80,000 vot. Dan il-proporzjon ta’ 2:1 jista’ jagħti lill-PL il-poter li jabolixxi d-demokrazija nnifisha u jkun jista’ jgħid li għamel dan b’mod legali u demokratiku.

Il-PN għandu quddiemu responsabbiltà ta’ natura kostituzzjonali u nazzjonali. Għandu d-dmir li jintervjeni kif għamel fl-imgħoddi meta d-drittijiet fundamentali kienu fil-periklu. L-istorja ta’ Malta kienet tkun ferm differenti li kieku l-PN m’għamilx dak li għamel fl-1981 u fl-1987. Il-PN huwa fid-dmir li jintervjeni u li jkun effettiv. Il-pajjiż m’għandux bżonn ta’ protesti purament simboliċi fuq skala kbira – għandna biżżejjed minnhom bħalissa.

Il-PN jeħtieġ li jkun oppożizzjoni effettiva – mhux oppożizzjoni ta’ ħafna għajjat – iżda waħda determinata, magħquda u konsistenti. Oppożizzjoni effettiva li wieħed għandu jifhem li hi alternattiva vijabbli għall-gvern u li tkun waħda b’ċans tajjeb li tirbaħ elezzjoni.

Bħalissa l-PN m’hu xejn minn dan kollu.

Nixtieq nagħmilha ċara li jien m’jinix xi wieħed minn dawk li jippreferu li jappoġġjaw partit li mis-sondaġġi jidher li għandu l-appoġġ ta’ 2.5% biss tal-elettorat. Naqbel ma’ min isostni li appoġġ li jingħata lil partit żgħir jew astensjoni mill-vot ma jistgħux ħlief ifissru ħsara lill-PN u ġid għall-PL.

Sa minn żogħżiti din minn dejjem kienet il-fehma tiegħi.

Iżda huwa wkoll minnu li dan l-argument jista’ jinġieb mill-PN biss meta jkun ras imb’ ras mal-partit l-ieħor. Ejjew inkunu ċari: biex jirbaħ elezzjoni l-PN ikun jeħtieġ li jirdoppja l-bażi tal-appoġġ li jgawdi. U jkun jeħtieġlu li jneħħi kull ostaklu li qed iżommu milli jagħmel dan. M’hix soluzzjoni li tipprova tiġġieled kontra l-populiżmu bil-populiżmu stess. F’għażla bejn populista oriġinali u l-kopja tiegħu, x’aktarx li n-nies dejjem tippreferi lill-original.

Għandhom kull dritt jarawni ikraħ, iżda għall-ġid tal-pajjiż jeħtieġ li l-barri jinqabad minn qrunu.

Huwa ċar li l-PN bħalissa lanqas biss qed jipprospetta bidla fit-tmexxija tal-partit. Min jista’ jisfida lit-tmexxija preżenti qed jara li ċ-ċansijiet tiegħu f’dan ir-rigward mhumiex sbieħ u l-mexxej preżenti m’hu qed jikkonsidra xenarji li jisgħu imorru lil hinn mill-viżjoni dejqa tiegħu.

It-tmexxija tal-partit għadha mwaħħla wisq fi ġlieda mentali kontra Simon Busuttil minflok kontra Joseph Muscat. Id-dinja tagħhom bejn l-erba’ ħitan tal-Istamperija ma ttihomx wisq għażliet.

Waħda mill-għażliet li bħalissa tinsab in voga hi ċ-ċaħda. Rashom imwaħħla fir-ramel. Allura t-tort huwa ta’ nies ingrati bħali u ta’ nies ingrati oħra li jaħsbuha bħali li qed jagħmlu “l-ħsara lill-partit” permezz tal-kritika tagħhom.

Ma jkunx aħjar jekk toħorġu raskom minn din l-imbierka toqba fir-ramel!