Aqra din il-blog post miktub minn Freddy Gray f’The Spectator.

Għandu elf raġun. L-istorja dwar Cambridge Analytica mhix daqstant dwar il-pariri li dawn taw lill-klijenti tagħhom. Iżda hi aktar dwar kif Christian Kaelin ta’ Henley and Partners’s inqeda’ b’Cambridge Analytica biex virtwalment spiċċa jikkontrolla u jiġbed l-ispag ta’ mexxejja politiċi li jkunu rebħu l-poter f’pajjiżhom bil-għajnuna tagħhom.

Alexander Nix, li kien ta’ Cambridge Analytica

Fil-ġranet li ġejjin se nxandar lista ta’ ismijiet ta’ klienti ta’ Henley and Partners li akkwistaw passport wara talba ta’ Cambridge Analytica u dan bħala parti mix-xogħol tagħhom li jagħtu pariri lil partiti politiċi dwar kif, bis-sewwa jew bid-dnewwa, jkunu jistgħu jirbħu l-elezzjonijiet.

Minn din il-lista wieħed jista’ jintebaħ bir-rabta qawwija li teżisti bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet. M’għandniex xi ngħidu, kemm ilu li tela’ fil-wiċċ l-iskandlu, Alexander Nix ma baqax fit-tmun ta’ Cambridge Analytica. Iżda Christian Kaelin baqa’ f’postu fit-tmun ta’ Henley and Partners.

Ix-xogħol li sar minn SCL – kumpannija li hi s-sid ta’ Cambridge Analytica – f’pajjiżi tal-Karibew fejn Henley and Partners topera programmi ta’ xiri ta’ ċittadinanza huwa fatt magħruf. Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwaru. U Freddy Gray hawnhekk jikkummenta dwaru wkoll.

Christian Kaelin ta’ Henley and Partners

Il-bieraħ tkellimt ma’ persuna li kienet impjegata mal-SCL u din ikkonfermatli li din il-kumpannija kienet tat pariri lill-President ta’ Ċipru Nicos Anastasiades, bniedem li ilu fil-kariga mill-2013, u dan qabel l-elezzjoni mill-ġdid tiegħu fl-elezzjonijiet li saru x-xahar li għadda. Lil Nicos Anastasiades SCL kienet tatu pariri dwar il-mod kif seta’ jkaxkar lill-avversarju politiku tiegħu.

Madankollu m’hemm xejn bil-miktub dwar dan.

Jekk segwejt il-programm fuq Channel 4 dwar il-ħidma ta’ Cambridge Analytica, stajt tara lill-uffiċjali ta’ Cambridge Analytica jispjegaw lil ġurnalisti libsin il-maskra ta’ klienti potenzjali mis-Sri Lanka li Cambridge Analytica tagħmel użu minn kumpanniji maħluqa apposta biex dawn joħorġu kontijiet f’isimhom għal servizzi mogħija minnha u dan sabiex ħadd ma jkun jaf bl-id moħbija tagħhom.