Jason Micallef, bniedem li twelled mill-ġdid biex imexxi l-wirjiet kulturali, reġa’ wriena snienu dan kollu għaliex fuq pont iddendel strixxun li għatta wieħed minn madwar mitejn strixxun ieħor tal-‘Kapitali tal-Kultura Ewropea’. Araw naqra x’kiteb il-bieraħ fil-Facebook.

“Atti ieħor ta’ provokazzjoni”. Provokazzjoni? Għidilna naqra Jason x’inhu jipprovoka strixxun tal-kanvas?

“Għattew u ħammġu strixxuni ta’ Valletta 2018 Kapitali Ewropea tal-Kultura”. L-istrixxuni li dendel hu ilhom ġimgħat sħaħ esposti għax-xemx u għax-xita filwaqt li l-istrixxun li tant tah f’għajnu għadu kemm ġie stampat. Ma naħsibx li t-tifsira tiegħu ta’ “ħmieġ” kienet waħda litterali. Naħseb li b'”ħmieġ” ried ifisser speċi ta’ “tniġġiż”.

“Għadni kif tajt struzzjonijiet biex jitneħħew immedjatament”. Ma x’biża’! Warrbu minn nofs ħej għax ġej dan Jason biex jiblagħna. Jason kemm jaqbad u jċempel, hu u japprova ħlas ieħor lill kuntrattur. Hekk sewwa! Mhux bħal dawk il-voluntiera li joħorġu bil-lejl apposta u għall-istrixxuni jħallsu minn buthom.

Iżda din l-ġejja l-isbaħ waħda; “Difiziva (sic) f’ħajjitha, agħar wara mewtha”.Iċ-Chairman tal-Festival tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ta’ Malta jidher ma jafx jikteb sew bil-Malti u, jekk irid, jista’ jiskuża ruħu waħdu.

Se nagħlaq għajn waħda fuq dan u se nillimita ruħi għall-psikoloġija. Fil-moħħ paranojku ta’ Jason Micallef, Daphne Caruana Galizia kienet ġgant, xi ftit qisha għalliema ta’ żmien meta hu kien għadu bil-ħarqa jattendi l-iskola tan-nuna. Ma hemm ebda xebħ bejn il-kapaċitajiet intellettwali li kellha hi u dawk tiegħu u allura l-paragun jista’ forsi jreġi.

Iżda Daphne Caruana Galizia kellha affarijiet bil-wisq aktar importanti fuqhiex tħabbel moħħha milli toqgħod tintriga b’Jason Micallef u l-moħħ ċkejken tiegħu. Il-bieraħ wasal biex kiteb li jaħseb li għadha hemm dejjem lesta biex tagħmillu ħajtu infern. Saviour Balzan kien messu talbu jitla’ jixhed il-Qorti flimkien ma’ Jeffrey Pullicino Orlando, Jesmond Mugliett u John Dalli.

Serraħ rasek Jason. Ma kinitx Daphne Caruana Galizia li dendlet l-istrixxun. Din ilha mejta ħames xhur. Allura kull meta tikteb kif ktibt, ftakar li r-rebħa li mingħalik li għamilt teżisti f’moħħok biss.

Veru, l-istrixxun tneħħa. Iżda int u s-suq il-karrozza fit-triq taf issib xi provokazzjoni oħra ma’ wiċċek.

Daphne Caruana Galizia m’għadhiex magħna. Iżda aħna hawn għadna.