Ma’ kull ġurnata li tgħaddi, tkompli titnaqqar ftit ftit id-demokrazija tagħna. L-iSpeaker Anġlu Farrugia llum ikkonferma r-ruling tiegħu li Simon Busuttil ma jistax jistaqsi mistoqsijiet dwar jekk Keith Schembri huwiex is-sid ta’ kontijiet bankarji fid-Dubaj u fil-Pilatus Bank.
Bla precedent: L-iSpeaker ikkonferma li jien ma nistax nistaqsi lill-PM dwar jekk iċ-Chief of Staff tiegħu għandux kont bankarju fid-Dubaj u f’Pilatus Bank. Din id-deċiżjoni hi assurda u perikoluża għaliex tneħħili d-dritt li bħala membru parlamentari li nagħmel l-għassa fuq l-aġir tal-Gvern. Dan huwa l-mod kif tibda’ tinqered id- demokrazija pic.twitter.com/NIPZUSsooL
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) March 14, 2018
Meta l-Ispettur Anġlu Farrugia kien arresta liż-żagħżugħa Daphne Caruana Galizia, huwa fittex li jagħmel użu minn poteri mogħtija lilu bil-liġi sabiex jeqred id-dritt li wieħed għandu biex jipprotesta kontra l-abbuż tal-poter u kontra n-nuqqas ta’ galbu fit-tmexxija. Mhux talli b’mod abbużiv kien żamm mara żagħżugħa arrestata f’post li lanqas ma kien tajjeb għall-bhejjem u dan biex jintimidaha u jbeżżagħha. Iżda għamel minn kollox permezz tal-aġir tiegħu biex joħnoq id-dissens u biex isikket il-fehmiet ħielsa qabel dawn ikunu jistgħu jitlissnu.
Hekk kif iċċensura mistoqsijiet dwar stejjer li kienu nkixfu minn Daphne Caruana Galizia u li kienu wkoll is-suġġett tal-assidwità politika ta’ Simon Busuttil, Anġlu Farrugia – issa xi ftit ixjeħ, xi ftit aktar mibrum iżda ċertament mhux aktar għaref – illum kompla jipprova jxejjen id-dritt ta’ dawk li qed jippersistu permezz tal-protesti kontra s-setgħana b’mod li jista’ jitqies aktar awtokratiku mill-agħar żminijiet ta’ Karmenu Mifsud Bonnici.
Jeħtieġ li wieħed jifhem is-sitwazzjoni sew. Il-Kostituzzjoni tagħna tipprovdi li għandu jkun hemm parlament biex ikun hemm għassa fuq l-aġir tal-gvern. Iżda l-iSpeaker minflok ħares lil membru parlamentari mill-abbużi minn naħa tal-gvern – kif inhu d-dmir tiegħu – iċċensuraħ.
M’għandniex xi ngħidu, id-deċiżjoni tal-iSpeaker tista’ tiġi revokata f’seduta plenarja tal-Parlament iżda dejjem jekk – u hawn hu l-bużillis – ikun hemm ftehim dwar it-tqegħid ta’ din il-kwistjoni fuq l-aġenda tal-Parlament. Jiġrix dan jew le ma nafux iżda li huwa żgur hu li fl-aħħar mill-aħħar jittieħed vot biex tinqata’ din il-kwistjoni. Araw naqra: kwistjoni ta’ prinċipju dwar il-funzjoni bażika tad-drittijiet parlamentari tispiċċa tinqata’ permezz tat-teħid ta’ vot. U kulħadd jaf x’ikun ir-riżultat tat-teħid ta’ vot bħal dan.
Għax il-verità hi li d-demokrazija tista’ tivvota biex tabolixxi lilha nnifisha u l-Parlament għandu s-saħħa sovrana li jżarma d-demokrazija. Hija ħaġa li tagħmel sens daqs kemm jagħmel sens is-suwiċidju u tmur kontra s-sens komun u kontra dak li wieħed jifhem li għandha tkun il-funzjoni ta’ membru parlamentari. Id-dittatura tirrendi perversa lil din il-loġika.
Minflok iħarsu u jindukraw id-drittijiet u l-interessi ta’ dawk li jeħtieġu s-sewwa u l-ġustizzja daqs kemm jeħtieġu l-ossiġnu u l-ikel, membri parlamentari qed isiru lsiera tal-poter. L-interess ta’ Keith Schembri li jaħbi l-kontijiet bankarji tiegħu f’pajjiżi notorji u f’bank li jaqdi dittaturi korrotti jikkuntrasta ferm mal-interess ta’ dawk li jidhrilhom li min jiggverna m’għandux jixxaħħam u li, ġaladarba jixxaħħam, imbagħad igħaddi biex jaħbu x-“xaħam”.
Huwa proprju dan li Anġlu Farrugia ddeċieda dwaru llum: li huwa fl-interess pubbliku li Keith Schembri jitħalla jkompli jaħbi xturu u li jkun aħjar jekk ma nsirux nafu l-id il-leminija tal-prim ministru huwiex qed jixxaħħam (u allura fejn qed jinħeba dan ix-“xaħam”) jew le.
L-iSpeaker iddeċieda wkoll l-Parlament qiegħed hemm biex jgħatti xtur Keith Schembri u mhux biex iġiegħelu jikxifhom u b’hekk iħares id-drittijiet tal-poplu Malti.
Li kieku Keith Schembri, bħala negozjant privat, xtaq mhux biss jevadi l-ħlas tat-taxxa permezz tal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji barranin iżda wkoll li jillimita r-riskji tiegħu, kien messu żamm ‘il bogħod mill-ħajja pubblika. Minflok żamm ‘il bogħod, huwa għażel il-poter. Poter li huwa akkwistah b’mod legali, leġittimu u demokratiku. Iżda Schembri ċertament m’akkwistax id-dritt li jevadi l-ħlas tat-taxxi jew id-dritt li jixxaħħam. U lanqas ma hu intitolat li jiżloq milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-pubbliku, tal-ġurnalisti u, b’mod speċjali, tal-Parlament dwar jekk huwiex minnu li xxaħħam u li qed jiskarta l-ħlas tat-taxxi.
Hemm limitu għal dak li jistgħu jwettqu Simon Busuttil u l-kollegi tiegħu fil-parlament. Jistgħu jappellaw kontra d-deċiżjoni tal-iSpeaker. Jistgħu jibqgħu jinsistu li l-appell jiġi diskuss b’urġenza u jistgħu jirrifjutaw li jikkoperaw dwar ix-xogħol tal-Kamra sakemm tiġi ffissata data li fiha jkun jista’ jsir id-dibattitu.
U jistgħu jibqgħu iħaqquha sal-aħħar li Keith Schembri għandu jkun kontabbli u li m’għandux jinħeba wara l-iSpeaker bla ruħ li għandna, liebes kif inhu b’toga maġisterjali mislufa mingħand bintu.
U jistgħu ukoll jivvotaw minkejja li jkunu jafu li l-vot ta’ maġġoranza arroganti u ta’ bla skrupli se tegħlibhom żgur.
Iżda għallinqas ikunu taw ħilithom kollha u mbagħad inkunu nistgħu nqiegħdu fjura oħra fuq l-altar tad-demokrazija moribonda li għandna.
Fil-frattemp tkun tista’ tagħti s-sehem żgħir kemm hu żgħir tiegħek f’din il-protesta kontra reġim korrott li għandu kull intenzjoni li jsikket id-dissens u jsaħħaħ il-ħakma tiegħu fuq il-pajjiż.
Nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu jaħbat għeluq il-ħames xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – qtil li fisser daqqa ta’ ħarta kbira għad-demokrazija tagħna. Dakinhar għandna niftakru fiha. Iżda għandna nużaw din l-okkażjoni biex nuru li, minkejja l-ostakli u t-tfixkil kollu, aħna lesti li nkomplu nirreżistu lil min qed jipprova b’kull mezz jimmina lid-demokrazija tagħna.