Mela ma kinitx qed tiġġennen wara kollox. Ma kenitx qed tigdeb. Ma kenitx saħħara moħħha biss biex tagħmel ħsara lil Labour għaliex ma felħitx tara s-suċċessi. Mhux għax kellu jiġri dak li ġara biex nikkonvinċu ruħna li tal-Pilatus Bank m’humiex ħlief bejta tal-ħallelin u bank għall-ħallelin immexxi mill-ħallelin għax kienet ilha li xanderet il-fatti u ppreżentat il-provi.
Iżda għal darb’oħra meta l-Ewropa ddum biex tiċċaqlaq, l-Istati Uniti tidħol bir-ras biex tipproteġi l-interessi tagħha. Kif ġara’ riċentement fil-każ tal-kollass ta’ ABLV fil-Latvja, li dwaru ktibt kmieni dan ix-xahar, meta l-Istati Uniti aġixxiet biex twaqqaf bank Ewropew milli jkompli jinjora l-liġijiet Amerikani u milli jkompli jagħmel ħsara lill-interessi tagħha.
Pilatus Bank, li bħalissa għaddej investigazzjoni mill-aġenzija bankarja Ewropea, il-lejla spiċċa bil-kap tiegħu Ali Sadr arrestat wara azzjoni personali ta’ prosekuturi Amerikani.
Iżda qabel nibdew nixlu lill-istituzzjonijiet Ewropej li sa issa għadhom ma ħadux azzjoni biex iġiegħlu lill-Pilatus Bank tagħlaq il-bibien tagħha, ejja nitħaddtu ftit dwar l-istituzzjonijiet Ewropej li taw liċenzja lil dan il-bank: jiġifieri il-Malta Financial Services Authority u l-gvern ta’ Malta.
Ilna għal dawn l-aħħar erba’ snin nistaqsu mistoqsija sempliċi: kif jista’ qatt ikun li Iranjan mingħajr ebda esperjenza bankarja u b’passaporti f’idu kemm jesa’ ġildu jakkwista liċenzja biex imexxi bank Ewropew?
Imbagħad wara din il-mistoqsija, nibtu oħrajn: kif jista’ jkun li bank b’inqas minn 100 kont bankarju jipproċessa biljuni ta’ dollari? X’inhi r-raġuni li l-familja li qed tmexxi l-gvern tal-Ażerbajġan tuża bank Malti biex taħsel il-flus maħmuġin tagħha? X’inhi r-raġuni li Keith Schembri għandu kont bankarju fil-Pilatus Bank?
Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li kienet għamlet dawn il-mistoqsijiet, għajjruha traditura, saħħara u miġnuna. Lil min għaddielha l-informazzjoni, segwewha u beżgħet li joqtluha. Għadha beżgħana u issa tinsab maqfula f’ċella f’ħabs Grieg fejn marret minn jeddha l-lejl li għadda imwerwra li mhux se terġa’ tara lil uliedha. Tinsab hemm fuq talba tal-gvern Malti mibnija fuq il-pretest li lil Ali Sadr serqitlu xi ftit mijiet ta’ ewro. Għandek tgħid kemm jgħaġġlu l-kriminali biex jieħdu l-ġustizzja!
Ali Sadr anke ma’ Daphne Caruana Galizia fittex il-ġustizzja. Protett kif inhu minn Joseph Muscat – bniedem li jagħti kenn lill-kriminali u li jħeġġiġhom itellgħu lill-ġurnalisti l-Qorti bis-saħħa tal-kawżi SLAPP – Ali Sadr għamel kawża ta’ 40 miljun dollaru kontra Daphne Caruana Galizia fl-Arizona.
Bilġri mar ifittex il-ġustizzja fl-Istati Uniti għax ħaseb li hemm seta’ jagħmlilha aktar ħsara. Mur għidlu li l-Istati Uniti kienu għassa tiegħu il-ħin kollu!
Lejla mhux tas-soltu din. Maria Efimova u Ali Sadr jinsabu f’ċelel f’irkejjen differenti tad-dinja: Efimova segwita minn Ali Sadr u Ali Sadr segwit u mitfugħ f’ċella mill-gvern tal-Istati Uniti.
Tassew lejla mhux tas-soltu din. Qed naħseb dwar il-ħafna nies li bħalissa jinsabu reqdin u dwar kif se jirreaġixxu meta jaqraw dak li ktibt.
Ħsibijieti ma jistgħux ma jdurux fuq Lawrence Cutajar li sena ilu deher fuq it-televiżjoni biex, hu u jmeċlaq biċċiet tal-laħam tal-fenek f’ħalqu, jgħidilna li ma kien hemm ebda raġuni għaliex kellu jieħu passi kontra tal-Pilatus Bank għaliex dak li kienet kixfet Daphne Caruana Galizia ma kienx ħaqqu li jingħata l-attenzjoni. U hu u jgħid dan id-diskors, Ali Sadr ħarab fis-satra tal-lejl bil-provi li setgħu jinkriminaw lilu u lil oħrajn.
Kien messu rriżenja dakinhar stess. U għandu jirriżenja llejla stess. Meta nippermettu bankiera kriminali iħammġulna isimna mad-dinja, jaħtu għal dan l-awtoritajiet tal-pulizija li, minkejja li kellhom ħjiel dwar dak li kien qed iseħħ taħt imneħirna, kien iktar moħħhom fil-fenkati milli jaqdu d-dmirijiet tagħhom.
Ħsibijiet jduru fuq Keith Schembri li ra kif għamel biex ġiegħel lil Anġlu Farrugia jagħti kenn lil sidu u jżomm lil Simon Busuttil milli jagħmel il-mistoqsija sempliċi: int għandek kont bankarju mal-Pilatus Bank? Il-kenn ingħatalu minkejja li nafu li t-tweġiba hi “iva”. Schembri qatt ma ċaħad li kien irċieva 100,000 ewro f’dak il-kont mingħand Brian Tonna. Ikkontesta biss ir-raġuni għaliex dawn il-flejjes kienu tħallsu.
Inqeda’ b’bank Malti, liċenzjat mill-gvern tiegħu stess, għaliex kien jaf li ebda bank ieħor ma kien se jaqdiħ. U kien messu rriżenja meta Simon Busuttil kixfu. U jmissu jirriżenja llelja stess.
Ħsibijieti jduru fuq Michelle Muscat li, minn diversi għejjun mill-Pilatus Bank stess, inkixfet li hi s-sid ta’ kumpannija fil-Panama li inħolqot minn Brian Tonna biex fiha jitqiegħdu mijiet tal-eluf ġejjin mit-tixħim. Din ma tista’ tirriżenja minn ebda kariga. Iżda tista’ tagħżel li tgawdi mill-korruzzjoni ta’ żewġha jew li żżomm ‘il bogħod minnha.
Iżda Michelle strieħet fuq il-Pilatus Bank biex tostor is-sigrieti tagħha. Strieħet fuq Ali Sadr biex fis-satra tal-lejl jaħrab u jaħbi l-provi li jinkriminawha.
Ħsibijieti jduru fuq Joseph Muscat, mexxej tal-gamorra li għandha l-pajjiż f’idejha, li bħalissa jinsab inkwetat li l-ġebla tax-xewka li fuqha bena’ t-torri kriminali tiegħu issa tinsab f’idejn awtoritajiet li fuqhom m’għandu ebda kontroll.
Issa se jkollu jiġġieled biex jibqa’ fil-wiċċ u mistenni li jimmobilizza favuriħ lil dawk kollha li gawdew taħt il-gvern tiegħu. Ir-rabja kontra t-“tradituri” se toktor. It-tradiment kbir ta’ Daphne Caruana Galizia se jitpatta bl-ikraħ. Jekk int ħsibt li, huma u jmaqdru dak kollu li jfakkarna fiha, kienu qed ikunu biss kefrin lestu ruħkom għal affarijiet aktar koroħ.
Għaliex anki l-partitarji l-aktar ħorox ta’ Joseph Muscat jifhmu li, kieku Daphne Caruana Galizia ma kixfitx il-borom, Ali Sadr illejla għadu qed jiġri barra. U dawn il-partitarji jifhmu wkoll li l-arrest ta’ Ali Sadr huwa biss il-bidu ta’ katina ta’ ġrajjiet li ser ikollu ma’ wiċċu l-benjamin tagħhom.
Joseph Muscat kien messu rriżenja meta xxandru aħbarijiet dwar il-korruzzjoni tiegħu u ta’ familtu. U llejla stess għandu jirriżenja.
Fidil min isostni li għandna niżguraw li Daphne Caruana Galizia ma tkunx mietet għal xejn. Daphne Caruana Galizia għal xejn mietet. Għall-magħmul m’hemmx kunsill. Iżda nistgħu nassiguraw li x-xogħol li wettqet tul ħajjitha ma kienx għalxejn.
Illejla ħsibijieti jduru fuqha wkoll. Li kieku kienet għadha hawn, nazzarda ngħid li bħalissa kienet tkun qed titbissem.