Sabiex kollox jimxi ħarir ikun jeħtieġ li nserrħu fuq l-istħarriġ li jagħmlu d-ditti tal-awdituri biex jiġu verifikati u ċċertifikati talbiet li jsiru minn kumpannji. Hi tassew ħaġa minn ewl id-dinja – mhux f’Malta biss – li d-ditti tal-awdituri ħafna drabi jsibu ruħħom bejn ħalltejn meta jkollhom jew jagħżlu li jaġixxu fl-interess pubbliku bħala uffiċjali indipendenti jew inkella li jaġixxu fl-interess tal-klijenti tagħhom.
Il-kwistjoni dwar jekk Juanita Bencini messhiex attendiet it-tieġ tal-klijent tagħha Ali Sadr jew le ma nistgħux inħalluha taljenana minn kwistjonijiet oħra li huma ħafna aktar importanti. Ir-relazzjoni li din għandha ma’ Ali Sadr – jekk verament teżisti – mhix importanti daqs kemm huma importanti r-rabtiet li għandhom miegħu Joseph Muscat u Keith Schembri. M’hemm xejn li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-awdituri għandhom xi kont bankarju mal-Pilatus Bank. Iżda kollox jindika li tal-Pilatus Bank ħadu ħsieb in-negozju personali ta’ mart Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri.
Għalhekk ma nistgħux inħallu lil min jipprova jaljenana. Għaliex huwa eżatt hekk dak li jixtieq Joseph Muscat.
L-iskandlu tal-Pilatus Bank jeħtieġ li nitgħallmu minnu għal diversi raġunijiet u, li kieku konna qegħdin ngħixu f’pajjiż normali, ilhom li nbdew inkjesti indipendenti dwar l-aġir tal-MFSA, tal-FIAU u tal-Pulizija …… u wkoll dwar l-aġir tal-awdituri.
Peress li Ali Sadr huwa s-sid tal-Pilatus Bank, l-awdituri ċertament ma ddiżappuntawx lill-azzjonisti. U ġaladarba l-Pilatus Bank tidher li nħolqot apposta biex taqdi lill-ħallelin, mhux se neħodha daqshekk bi kbira jekk jirriżulta li l-awdituri ddiżappuntaw lil min fada’ ġidu mal-Bank.
Madankollu jeħtieġ niftakru li l-Pilatus Bank huwa liċenzjat f’Malta u l-ħsara kbira lir-reputazzjoni tal-pajjiż tagħmel ukoll ħsara kbira lil kull min hu Malti. Jekk isem il-pajjiż jaqla’ bil-ħarta, naqilgħu bl-ħarta aħna lkoll. Jekk tal-KPMG setgħu rsistew aktar biex iħarsu lill-pajjiż mill-ħsara li saret lir-reputazzjoni tiegħu, allura huma wkoll iddiżappuntaw lil Malta.
Jekk huwa minnu li, mill-bidu nett, l-awdituri naqsu li jwissu, għalqu għajnejhom għal dak li kienu fid-dmir li jgħarblu u taw aktar importanza lill-interessi tal-klijent tagħhom a skapitu tal-interessi tal-pajjiż, allura nistgħu nikkonkludu li dawn iddiżappuntaw lilna lkoll.
M’hemmx dubju li tal-KPMG se jsostnu li huma wettqu strettament ix-xogħol li kienu ġew imqabbda biex jagħmlu.
Madankollu fost id-dmirijiet ta’ awditur jeżisti wkoll element ta’ diskrezzjoni. Ħafna drabi jkun hemm ċirkostanzi fejn awditur ikollu jagħmel għażliet ibsin biex ma jsibx ruħu f’kunflitt ta’ interess.
Iċ-cirkostanzi diżastrużi li qegħdin ngħixu bħalissa għandhom iservu biex iġiegħeluna nifhmu l-ħtieġa li nkomplu ninvestigaw u li naraw kif nistgħu ntejjbu r-regolamenti.
Dak li qegħdin ngħixu bħalissa huwa frott tal-korruzzjoni mwettqa mill-klikka tal-Panama. U mhux fl-interess ta’ din il-klikka li l-kotra tintebaħ u tifhem sew il-konsegwenzi tal-korruzzjoni tagħha.