It-tneħħija mir-rekords pubbliċi ta’ deċiżjoni imbarazzanti tal-qorti kontra uffiċjal tal-gvern huwa skandlu fih innifsu.
It-tfajla stupida ta’ 19-il sena li serqet credit card u marret tberbaqhom, illum hija mara ta’ 28 sena u minħabba fiha r-regoli qed jitgħawġu u qed isiru eċċezzjonijiet biex tkun tista’ tirnexxi f’dak li tixtieq tagħmel.
Il-pubblikazzjoni tas-sentenzi tal-qorti fuq sistema online mhijiex sempliċiment librerija konvenjenti mingħajr karti. Hija parti importanti minn dak li nifhmu bi gvern miftuħ u demokratiku.
L-aċċess online tad-deċiżjonijiet tal-qorti jiżgura t-trasparenza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Hija l-verżjoni kontemporanja tal-bankijiet għall-pubbliku fl-awla tal-qorti. Hija s-sigurtà li għandna aħna bħala ċittadini li l-ġustizzja ssir mingħajr biża’ jew favuri; li quddiem il-liġi kulħadd jiġi ttrattat l-istess.
Dak li mar minn wara dahar is-sistema tal-qorti u ħassar ir-rekord pubbliku tas-sentenza kontra Yanica Barabara wettaq att ta’ barbariżmu amministrattiv. Min kien, ħeba mill-għajnejn tal-pubbliku l-eżerċiżżju ġust u ugwali tal-liġi.
Meta wieħed jara r-rwol estiż ta’ Yanica Barbara f’Dar Malta fi Brussell, jara l-ħbiberija fil-miftuħ mal-MPE Laburista Myriam Dalli, jara kif il-MPE Laburista Marlene Mizzi ħarġet għonqha tiddefeni lir-raġel tagħha meta ġiet ikkritikata d-deċiżjoni tiegħu, flimkien ma’ ta’ erba’ mħallfin oħra, biex Yanica Barbara tingħata l-warrant ta’ avukat minkejja r-rekord tagħha: ma nistgħux ħlief naħsbu li l-fatt li hi midħla tal-Labour, qed jgħinha biex tgħaddi tagħha.
Din mhux biss għandha l-ħbieb fost dawk ta’ fuq nett. Hi għandha l-ħbieb f’xi uffiċċju mwarrab b’aċċess bil-password tas-sistema tal-qorti tal-ġustizzja. Teoretikament min uża s-sistema jista’ jiġi ttraċċat. X’imkien għandu jkun hemm rekord ta’ min u meta s-sentenza tal-qorti kontriha tħassar mir-reġistru.
The Shift News illum twettaq is-servizz pubbliku li tippubblika dak li tħassar. Dan hu tajjeb.
Imma l-att tat-tħassir hu abbuż amministrattiv li għandu jiġi investigat u għandha tittieħed azzjoni xierqa dwaru.
Għal darb’oħra tidħol fin-nofs il-kwistjoni ta’ x’inhu sewwa. Hemm ħafna sentenzi tal-qorti li jimbarazzaw ħafna nies u l-ebda wieħed minnhom ma għandu l-ħbieb li għandha Yanica Barbara.
Il-fatt li hi lesta li tuża l-ħbieb biex tgħaddi tagħha jissuġġerixxi li r-regola li tipprojbixxi lil dawk li għandhom rekord kriminali milli jkollhom warrant ta’ avukat mhijiex indikatur tal-karattru daqshekk arkajku wara kollox.