Is-segretarju ta’ Chris Cardona qal li jisgħobbieh li kien għamel libell lil Daphne Caruana Galizia u li kien ippreżenta mandat ta’ sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tagħha u dan talli din kienet żvelat li hu kien ma’ sidu l-ministru f’burdell fil-Ġermanja waqt li kienu hemmhekk fuq xogħol.

Malli saret din l-istqarrija fil-Qorti, l-avukat tiegħu Pawlu Lia – biex jipprova jgħatti x-xtur kemm tal-Partit Laburista kif ukoll tal-klient tiegħu – ipprova jdawwar is-sinjifikat tas-sogħba li wera’ Joe Gerada billi jwaħħal f’Peter Caruana Galizia.

Aqra hawn taħt ir-risposta tal-familja Caruana Galizia għal din il-gabirjola verbali. Hija sinjifikanti l-isfida li għamlet il-familja. Lil Joe Gerada qaltlu li jekk irid jipprova l-innoċenza tiegħu kulma għandu jagħmel hu li jxandar l-informazzjoni tal-operatur li jindika il-lokalità fejn kien fil-ħin meta ġie allegat – haġa li huwa jiċħad – li kien f’burdell.

Niftakru li Joe Gerada mhux qed jiġi sfidat li jagħmel dan f’din il-kawża biss.

Fil-kawża għas-separazzjoni li għamlet kontrih l-eks mara ta’ Joe Gerada, din talbet li jixxandru l-provi bid-dettalji tal-lokalità fejn kien, liema provi eventwalment se jiġu kunsidrati mill-Qorti li se tiddeċiedi dwar il-libell. Is-Sinjura Gerada wkoll trid tkun taf fejn kien żewġha f’dik il-lejla partikolari f’Jannar tas-sena l-oħra.

Dan kollu ma jikkostitwix prova kemm għal naħa kif ukoll għal oħra. Ħlief li huwa aktar faċli li wieħed jippova l-innoċenza milli jipprova l-ħtija. Jekk Joe Gerada (u sidu l-ministru) ma kinux f’burdell f’dak il-lejl partikolari il-“phone records” għandhom juru li dak il-ħin kienu band’oħra.

Irrid niċċara li minn dawn il-“phone records” wieħed m’għandux jistenna tweġibiet ta’ “iva’ jew “le”. Nistgħu biss inkunu ċerti jekk il-mobiles f’dak il-ħin partikolari kienu mixgħulin jew saru xi telefonati jew intbagħtu messaġġi. L-evidenza għandha wkoll tinkludi l-lokalità ġeografika koperta mit-torri li minnu għaddew it-telefonati.

Il-proceduri tal-Qorti jieħdu ż-żmien tagħhom u kollox isir bil-mod. Aħna mbagħad nosservaw l-atturi kif iġibu ruħħom u nippruvaw ninterpretaw dak li x’aktarx ikun għaddej minn moħħhom.

X’inhu għaddej minn moħħ Joe Gerada l-lejla?

Stqarrija tal-familja Caruana Galizia:

B’riferenza għal diversi rapporti mxandra fil-mezzi tax-xandir dwar il-libelli vessatorji li kienu ġew ippreżentati kontra Daphne Caruana Galizia mill-Ministru Christian Cardona u mis-segretarju tiegħu Joseph Gerada, żewġha u wliedha bħala werrieta tagħha jixtiequ jagħmluha ċara li huma ma jridux, taħt ebda kundizzjoni, li l-kawżi jiġu ċeduti.   

Il-fatti huma s-segwenti:

Il-kawżi magħmula minn Cardona u Gerada kienu mħollija għas-smiegħ għal-lum fl-10.ooam iżda ssejħu fid-9.25am meta l-membri tal-familja kienu għadhom ma waslux il-Qorti. Fl-assenza tagħhom, l-avukati taż-żewġ naħat ftehmu dwar id-differiment tal-kawżi. 

L-avukat ta’ Gerada Pawlu Lia ġie rappurtat li qal li “kulħadd irid jipprova l-innoċenza tiegħu, iżda Gerada m’għadx għandu interess”. Jekk Cardona u Gerada huma innoċenti, kif qed jinsistu li huma, jistgħu jippruvaw dan immedjatament billi jxandru l-“mobile phone location data” li juri l-lok preċiż fejn kienu u l-ħin meta ċaħdu li kienu fil-burdell FKK Acapulco f’Velbert.  Huwa fl-interess pubbliku li l-kawżi jitkomplew u li l-“phone location file data” li jinsab fil-proċess tal-Qorti jiġi preżentat bħala prova.

Sal-lum Cardona u Gerada għadhom ma naddfux isimhom u jekk iridu li l-verżjoni tagħhom tiġi korroborata, kulma għandhom jagħmlu hu li jxandru l-“mobile phone location data”.  

Cardona u Gerada huma uffiċjali pubbliċi u huma fid-dmir li jġibu ruħħom f’kull ħin b’mod etiku u korrett. Barra minn dan, meta ppreżentaw il-mandati ta’ sekwestru kawtelatorji fi Frar 2017, Cardona u Gerada kienu ħadu ġurament falz. It-teħid ta’ ġurament falz huwa reat kriminali u fil-każ ta’ Cardona u Gerada,  jista’ jwassal li jitneħħeilhom il-warrant ta’ avukat. 

Sta għalihom li jippruvaw li ġabu ruħħom b’mod etiku u korrett waqt iż-żjara uffiċjali tagħhom fil-Ġermanja bħala rappreżentanti tal-Kunsill Presidenzjali tal-UE, meta ppreżentaw il-libelli fil-Qorti kontra Daphne Caruana Galizia u fil-mod u l-motiv li biħ qed imexxu l-kawżi issa.