Interessanti s-sentenza tal-Qorti tal-Appell li kkonfermat deċiżjoni precedenti dwar malafama kontra Saviour Balzan. Il-Qorti qatgħetha li Balzan kien għamel allegazzjoni malafamanti fil-konfront ta’ Richard Cachia Caruana meta allega li dan kien il-moħħ wara grupp ta’ kelliema u kittieba wżati biex jagħmlu ħsara lill-għedewwa politiċi ta’ Lawrence Gonzi
Saviour Balzan kien speċifiku meta semma’ b’isimha lil Daphne Caruana Galizia u dwar il-mod kif, skont hu, din kienet ġiet imqabbda minn Richard Cachia Caruana biex ixxerred “il-velenu u l-mibgħeda”.
Fil-Qorti Saviour Balzan ħarrek ix-xhieda biex jipprova dak li huwa kien allega. Jeffrey Pullicino Orlando, Jesmond Mugliett u John Dalli lkoll xehdu dwar il-fissazzjonijiet paranojiċi ta’ moħħhom u minflok taw ħarsa oġġettiva lejn azzjoniethom stess u l-kritika konsegwenzjali li kienu qalgħu dwarhom, waħħlu fuq xi id moħbija li kienet dejjem lesta biex teqridhom.
Jeffrey Pullicino Orlando xehed li Daphne Caruana Galizia kienet tikkritikaħ għax kienet tkun imbuttata biex tagħmel dan minn Richard Cachia Caruana. Skont hu kienet tikkritikaħ mhux għax, dwar il-kwistjoni tal-Mistra, kien gideb f’wiċċ kulħadd bir-riżultat li tilef il-fiduċja tagħha, tal-mexxej tal-partit tiegħu u tal-votanti kollha li kienu emmnu lilu u mhux il-verità li kien qal Alfred Sant. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax spiċċa vvota kontra l-gvern tiegħu b’vendikazzjoni. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax tul ħajtu aġixxa b’immaturità u – raġel ta’ bla prinċipji li hu – mhux għax kien tħallas għat-tradiment tiegħu.
Jesmond Mugliett xehed li Daphne Caruana Galizia kienet tikkritikah għax kienet imġiegħla tagħmel dan minn Richard Cachia Caruana. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax, bħala ministru inkompetenti u baħnan kif kien, ma kienx kapaċi jieqaf kontra l-korruzzjoni li kienet qed isseħħ taħt imnieħru. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax sab kenn fil-Partit Laburista meta l-partit tiegħu ma reġgħax ħatru bħala ministru u dan minkejja l-kritika ħarxa li kien jaqla’ mingħand tal-Labour stess.
John Dalli xehed li Daphne Caruana Galizia kienet tikkritikaħ għax kien iġiegħelha tagħmel dan Richard Cachia Caruana. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax inqabad iħawwad f’negozji b’xamma ta’ korruzzjoni u mhux għax il-PN b’xi mod kien ħafirhielu għax ma xtaqx li jaħbat difru miegħu. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax kien il-moħħ wara skema frawdolenti li permezz tagħha nsterqu u ntasbu persuni anzjani li ħasbu li kienu qed jagħtu flushom għall-karità. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għall-iskemi fażulli li kien jitkellem dwarhom fuq l-istazzjon televiżiv tal-Labour, liema skemi imbagħad twaħħdu fir-roadmap korrott tal-Labour. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax kien ħammar wiċċ pajjiż sħiħ meta spiċċaw dabbrulu rasu mill-kariga ta’ Kummissarju Ewropew minħabba tixħim u korruzzjoni. Skont hu, kienet tikkritikah mhux għax għaddieha lixxa bil-kompliċita ta’ Joseph Muscat.
Mimlijin kif kienu bil-mibgħeda, bil-paranoja, bil-fissazzjonijiet, bid-delużjonijiet kif ukoll bix-xama’ seduttiv li għoġbu jdellek fuqhom Joseph Muscat, daħħluha f’rashom li kienu mdawrin bl-għedewwa: jiġifieri dawk il-persuni li kienu l-vittmi tat-tradiment tagħhom stess. Allura daħħluha f’rashom li kien jaħti Lawrence Gonzi. Daħħluha f’rashom li Lawrence Gonzi kien ordna lil Richard Cachia Caruana biex “jaqbad magħhom” u li mbagħad Richard Cachia Caruana kien ordna lil Daphne Caruana Galizia biex iddawwar il-kanuni fuqhom.
Ġennata sħiħa.
U Saviour Balzan din il-kummiedja inkarnata tellagħha ‘l Qorti biex tixhed fil-pedana tax-xhieda.
Fil-kawża wkoll ttella’ jixhed Patrick Calleja li fis-sentenza tagħha l-Qorti ddeskrivietu bħala iben dak li kien il-kmandant tal-Forzi Armati li kien irriżenja fl-1993. Dan ittella’ l-Qorti bħala xhud biex Saviour Balzan jipprova li Richard Cachia Caruana kien iqabbad lill-ġurnalisti u lill-bloggers biex ixerrdu “l-velenu u l-mibgħeda”.
Qed nipprova ma naqtax nifsi jien u nikteb. Patrick Calleja jiġi ħu Meinrad Calleja, persuna li kienet ġiet liberata mill-akkuża li kien ordna l-qtil ta’ Richard Cachia Caruana f’proċess li fiħ il-ġustizzja tniżżlet rasha ‘l isfel grazzi għall-indħil manipulattiv tal-Partit Laburista.
Calleja kien is-suppost xhud stilla li permezz tiegħu Saviour Balzan ried jipprova li Richard Cachia Caruana kien iqabbad lill-ġurnalisti u lill-bloggers biex jasal fejn ried jasal.
Dan x’kwalità ta’ bniedem hu?
Għallinqas nistgħu ngħidu li llum saret ġustizzja – mhux għax Saviour Balzan ikollu jħallas multa mill-aktar simbolika ta’ Eur3000 – iżda għax issa għandna konferma li dan il-bniedem huwa maħkum mill-istess delużjonijiet, fissazzjonijiet u paranoja li jinsabu maħkumin bihom ix-xhieda kollha li huwa għoġbu jħarrek.
L-idea biss li Daphne Caruana Galizia kienet tbaxxi rasha għall-ordnijiet dwar x’kellha tikteb jew ma tiktibx hija tad-daħk. Daphne Caruana Galizia tant kienet ġurnalista b’moħħ u b’kitba indipendenti li l-qtil tagħha biss seta’ jsikkitha u jżommha milli tkompli tmexxi l-ideat u l-fehmiet tagħha.
Saviour Balzan kien iħobb iżejjen lil Daphne Caruana Galizia b’ħafna titli misoġinisti: fost oħrajn, saħħara u reġina tal-velenu. Issa jmiss lili li nżejjnu b’aġġettiv misoġinist minn tiegħi: Saviour Balzan huwa prostituta li dak li hu tiegħu jipprova jwaħħlu fuq ħaddieħor.
Huwa proprju hu li jbaxxi rasu għall-ordnijiet tas-sidien politiċi tiegħu. Balzan m’huwiex kapaċi joħroġ b’idea oriġinali jekk din ma ssarrafx fi flus. Niftakru li għall-ewwel ċaħad u mbagħad kellu jammetti li kien ikellem lil Keith Schembri fuq it-telefon tard bil-lejl: speċi ta’ kopja ta’ Richard Cachia Caruana u Daphne Caruana Galizia jitħaddtu fuq it-telefon f’xi dinja oħra tal-fantaxjenza.
L-għażliet li jagħmel Balzan ma jagħmilhomx b’riħet il-konvinzjoni. Eżatt bħal Jeffrey Pullicino Orlando, Jesmond Mugliett and John Dalli – ilkoll xhieda neqsin mill-kredibilità – il-kitba tiegħu hi msejsa fuq kemm jista’ jitħallas mill-kuntratti li jingħata bħala tpattija għas-servizzi tiegħu. Id-direct order li tiswa’ 30,000 li huwa ngħata l-ġimgħa li għaddiet huwa eżempju wieħed biss.