Żewġ uffċjali qrib ħafna tal-Prim Ministru, Glenn Bedingfield u Kurt Farrugia bagħbsu dokument imħejji mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u għaddewh (il-verżjoni mbagħbsa) lil ġurnalisti mill-Isvizzera bħallikieku kien dossier maħruġ mill-gvern.

Aqra dwar l-inċident fi storja mxandra minn The Shift News. The Shift News ħadmu ma’ ġurnalisti mir-rivista Svizzera Republik fuq investigazzjoni dettaljata msejjħa ‘Qtil f’Malta’.

Fir-rapport tagħha Republik kitbet dwar laqgħa stramba li ġurnalisti tagħha kellhom ma’ Glenn Bedingfield u ma’ Kurt Farrugia, liema laqgħa ntemmet hekk dawn ingħataw rapport li kienu diġà qraw qabel iżda li kellu partijiet minnu mħassra.

Il-parti mħassra kienet tittratta dwar l-allegati rabtiet li għandu l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Li hu sinjifikanti huwa l-fatt li tal-uffiċċju tal-prim ministru għandhom f’idejhom dokument tal-familja Caruana Galizia li ġie mbagħbas. Jidher li persuni minn dan l-uffiċċju jgħaddu l-ħin tagħhom jimmanipulaw l-informazzjoni u jbagħbsu d-dokumenti imħejjija minn familja li qed tirsisti biex issir il-ġustizzja ma’ mara u omm.

Li hu sinjifikanti wkoll huwa l-fatt li jista’ jkun li bi żball Glenn Bedingfield u Kurt Farrugia għaddew lill-ġurnalisti dokument b’ieħor.

The Shift News kitbet li talba li saret minnha għal spjegazzjoni ġiet injorata mill-uffiċċju tal-prim ministru.

Il-parti mħassra tad-dokument tittratta dwar ċertu John Zammit, ħabib intimu ta’ Lawrence Cutajar, li aktar kmieni llum qal li ma jiġix minn Claude Anne Sant Fournier.