Emmnuni li xbajt nisma’ lil min joqgħod igħid li kważi kważi fiha u ma fihiex li jkun hemm ministri korrotti kemm il-darba bis-saħħa tax-xogħol li dawn iwettqu jibqa’ jiżdied il-ġid għal kulħadd. Għan-nies li jirraġunaw b’dan il-mod, mhux daqstant importanti li nfittxu dak li hu sewwa u nwarrbu dak li mhux. Nistenna li għallinqas dawn in-nies jintebħu li suppost il-qagħda tagħhom għandha tkun aħjar milli hi li kieku llum m’hemmx il-korruzzjoni li hawn mifruxa mal-pajjiż.

Aqraw l-istorja li xxandret illum minn The Daphne Project bid-dettalji tan-negozju korrott li kien sar fil-każ tal-power station tal-Electrogas. Tiftakruh iż-żmien meta Joseph Muscat kien qalilna li, għax il-kuntrattur li kien forna l-power station kien ħallas commission lill-aġent lokali tiegħu, il-gvern ta’ dak iż-żmien kien ħa falza stikka u spiċċa ngidem?

Baqgħu jippersegwitaw lil dan l-aġent lokali daqslikieku kien xi kriminal u ppruvaw ibellgħuha li meta aġent jaqla’ lira minn negozju li jkun intrebaħ mill-prinċipal tiegħu, ikun qala’ din il-lira minħabba l-korruzzjoni u li b’hekk il-klijenti jkunu ngidmu. Argument bażwi għall-aħħar.

Imbagħad iddeċidew li jixtru impjant ġdid tal-gass u tawna x’nifhmu li din kienet xi idea brillanti minn tagħhom. Qalulna wkoll li kienu rranġaw biex il-prezzijiet ma jiċċaqilqux għal snin sħaħ u riedu jbellgħuha li din kienet xi idea tajba.

Fil-fatt ma kienet idea tajba xejn. Bellgħulna kanna. Għamlu negozju korrott biex jimlew bwiethom u fil-frattemp għas-servizz tad-dawl int qed tħallas darbtejn aktar milli suppost qed tħallas.

Konrad Mizzi ftiehem li jixtri l-gass mingħand sħabu tal-Ażerbajġan fuq medda ta’ żmien bil-prezz fiss tas-suq tal-2015. Minn dakinhar ‘l hawn il-prezz tal-elettriku niżel sew iżda int bqajt tħallas bir-rata għolja. Is-sena li għaddiet Malta ħallset għall-gass b’rata li hi d-doppju tar-rata li jħallsu għaliha pajjiżi oħra Ewropej. U ovvjament dak li l-gvern ħallas bil-għoli reġa’ ġabru lura minn butek.

U d-differenza fil-prezz daħlet fil-bwiet tal-ħbieb ta’ Konrad Mizzi fl-Ażerbajġan.

Mhux ta’ b’xejn li hu u sieħbu Keith Schembri kienu qed jistennew li jdaħħlu 150,000 ewro fix-xahar barra l-paga li jdaħħlu mingħand il-gvern.

Hekk sew. Huma jistagħnew u int tħallas.

U kif qed tħallas? Indunajt li l-kontijiet tad-dawl qed joħorġu aktar spiss? Qed jagħmlu hekk biex ibagħbsu l-allowance ta’ dawk intitolati għal servizz tad-dawl orħos. Aktar tard bi ħsiebni nidħol f’aktar dettall dwar il-mod kif qed isir it-tbagħbis. Iżda l-fatt jibqa’ li hemm min qed iħallas erba’ darbiet aktar milli suppost minħabba t-tbagħbis fil-ħruġ tal-kontijiet minn naħa tal-ARMS.

Qed tħallas ħafna aktar milli suppost tħallas u dan int għadek ma tafux għax il-Partit Laburista m’huwiex jagħmel il-kjass u l-istorbju li kien għamel biex rebaħ l-elezzjoni tal-2013.

Minflok għandna Oppożizzjoni fil-Parlament li ma tafx x’inhu jiġri għaliex bħal donnu dak li kien diġà nkixef minn Daphne Caruana Galizia ma jistgħux jitkellmu dwaru.

Niftakru li ftit qabel ma kkonkludew dan in-negozju, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat kienu marru l-Ażerbajġan għal taħditiet ma’ Ilham Aliyev. Għal Mizzi u Schembri x-xilep kien ġewwa. Brian Tonna ta’ Nexia BT kien irranġa kollox.

U Joseph Muscat? Dak irranġa kollox b’riħet it-tjubija ta’ qalbu. Mhux hekk tgħid?

Xbajt nisma’ lil min igħid li din l-istorja diġà konna smajniha. U żgur li smajniha. Smajniha għax Daphne Caruana Galizia kienet l-ewwel li ħarġet biha. Huma kienu ċaħdu kollox u għajjruha saħħara sakemm inqatlet.

U kien hemm min qal li “m’hemmx provi”. Hawn huma l-provi. Issa x’se tagħmel? Se tkompli tittama li Daphne Caruana Galizia se tiġġieled għalik waqt li int toqgħod id-dar bi kwietek u bejn ħalltejn?

Qed jisirquk. L-inqas li tista’ tagħmel hu li tattendi għall-manifestazzjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej wara nofsinhar u turihom li mhux bi ħsiebek tħallihom ikomplu jgħadduk biż-żmien. Jekk mhux biex titlob li ssir ġustizzja, attendi biex titlob flusek lura.