Malta mhix l-unika Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018. Il-belt l-oħra hija Leeuwarden fl-Olanda.

F’intervista mal-akbar aġenzija tal-aħbarijiet Olandiża NOS, id-direttur tagħha Tjeerd van Bekkum qal li l-kumitat li jmexxi mhux qed jibgħat aktar rappreżentanti uffiċjali lejn Malta. Il-Fondazzjoni Leeuwarden-Fryslân LF2018 (l-ewkivalenti tal-V18) issospendiet kull koperazzjoni mal-imsieħba tagħha f’Malta.

Waqqfet ukoll l-inviti kollha li kienu qed jintbagħtu lill-V18 sakemm Jason Micallef “jiddistanzja ruħu mill-kummenti insolenti li għadda dwar il-mewt tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia”.

“Il-valuri tat-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura ġew imminati minn rappreżentanti tal-V18 kaġun tal-mod kif l-organizzaturi tal-V18 qed jesprimu ruħhom fil-midja (soċjali) dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista,” kitbet l-organizzazzjoni Olandiża.

Sadanittant, Jason Micallef għadu jgawdi l-appoġġ tas-superjuri tiegħu. Joseph Muscat qal li Jason Micallef kien qed jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni.

Ħadd mhu qed jikkontesta l-fatt li Jason Micallef għandu kull dritt li jġib ruħu ta’ idjota u jgħaddi kummenti vjolenti, trivjali, giddieba u krudili. Li qed jiġi kkontestat f’dan il-każ hu kemm huwa l-persuna idonea għar-rwol ta’ chairman tal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.