Mehdi Shamszadeh, Iranjan li jinsab maqful f’ħabs f’Tehran u li qed jistenna li jinstema’ appell fil-Qorti ta’ hemmhekk wara li dan kien ġie kundannat għall-mewt talli ffroda lill-gvern tal-Iran, fl-2004 kien id-direttur kummerċjali tal-kumpannija marittima Iranjana IRISL meta din kienet iddeċidiet li tgħaddi r-rappreżentanza tagħha f’Malta minn idejn il-kumpannija SMS għal għand Claire Gauci Borda, bint John Dalli.
Dan l-iskandlu, kif ukoll l-istorja dwar kif il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taħt John Dalli kien jixtri l-biljetti tal-ajru mingħand aġenzija tal-ivvjaġġar ta’ Claire Gauci Borda, kienu r-raġunijiet li minħabba fihom John Dalli kien ġie mġiegħel jirriżenja minn Ministru tal-Affarijiet Barranin f’Lulju 2004.
Mehdi Shamszadeh kien il-perċimes wara d-deċiżjoni tal-IRISL li tgħaddi r-rappresentanza tagħha f’Malta lil bint John Dalli u dak iż-żmien dan il-bniedem kien iddefenda din id-deċiżjoni f’ittra li kien bgħat lid-direttur maniġerjali tal-SMS Adrian Mifsud.
Minn dokumenti tal-Ambaxxata Amerikana li kienu xxandru fl-2009 mill-Wikileaks jirriżulta li l-Istati Uniti kienet imħassba dwar il-ħidma tal-IRISL f’Malta u kienet tal-fehma li l-IRISL kienet qed tintuża biex jiġu evitati s-sanzjonijiet u biex jinsatru atti ta’ kriminalità. Wieħed minn dawn id-dokumenti saħansitra jsemmi li l-IRISL kienet qed tuża s-servizzi ta’ wieħed mill-banek Maltin biex jinħaslu flejjes ġejjin minn evażjoni tas-sanzjonijiet kontra l-użu ta’ armi nukleari.
Fl-2011 Mehdi Shamszadeh kien akkwista passaport Britanniku bis-saħħa ta’ skema ta’ investiment għal immigranti sinjuruni. Din l-iskema kienet ġiet varata meta l-gvern qabbad lil Henley & Partners biex jagħtuh pariri dwar l-għoti taċ-ċittadinanza permezz ta’ skema ta’ investiment bil-għan li jiġi “attirat it-talent” lejn ir-Renju Unit. Din il-ġimgħa l-editur tal-Private Eye kiteb li l-iskema li permezz tagħha persuni li jinvestu 5 miljun Lira Sterlina jingħataw passport Britanniku saret waħda ta’ mistħija għall-gvern tar-Renju Unit in vista tal-fatt li din l-iskema spiċċat attirat persuni li huma membri ta’ oligarkiji sinjuruni minflok persuni ta’ talent.
Milli jidher Mehdi Shamszadeh (li mbagħad bidel ismu għal Shams) beda’ jħaddem negozju mill-Ingilterra u, skond The Times (ta’ Londra) beda’ jiftaħar li “kien qed imexxi negozju bl-evażjoni tas-sanzjonijiet li jgħodd il-biljuni tad-dollari minn dar f’Surrey”.
Fl-2016, Emanuele Ottolenghi, Senior Fellow fis-Center on Sanctions and Illicit Finance Foundation for Defense of Democracies xehed quddiem il-Kungress Amerikan dwar kif l-Iran kien qed jinqeda’ b’persuni b’iktar minn ċittadinanza waħda biex jiġu evitati s-sanzjonijiet. U għamel aċċenn speċifiku għal Mehdi Shamszadeh:
“Shamszadeh kien ġarr lejn London fl-2005 sabiex jaħdem bħala direttur lokali tal-IRISL UK, kumpannija sussidjarja tal-IRISL, u bħala direttur ta’ IRINVESTSHIP Ltd, kumpannija finanzjarja li sid tagħha hi l-IRISL. Eventwalment f’Settembru 2008 id-Dipartiment tat-Teżor Amerikan impona s-sanzjonijiet fuq iż-żewġ kumpanniji. Iżda ftit xhur wara li kien ġarr lejn ir-Renju Unit u qabel kienu ġew imposti s-sanzjonijiet, Shamszadeh irriżenja miż-żewġ karigi li kellu.
“F’Mejju 2006, Shamszadeh beda’ negozju għal rasu u f’Ġunju 2011, akkwista ċ-ċittadinanza Brittanika u bidel ismu għal Shams. Shamszadeh qatt ma kien fil-mira tas-sanzjonijiet. Kien midħla tal-IRISL qabel ġew imposti s-sanzjonijiet mill-Istati Uniti, minn Nazzjonijiet Uniti u mill-Unjoni Ewropea – għalkemm mhux bilfors kien diġà midħla tal-IRISL meta dawn daħlu għal negozju illeċtu, liema negozju mbagħad kien il-kaġun tat-tnedija tas-sanzjonijiet.”
Mehdi Shams (jew Shamszadeh) ħoloq il-kumpannija Sirius Trade Finance Ltd fir-Renju Unit f’Ġunju 2008. Kumpannija li eventwalment bidlet isimha għal Pilatus Capital Limited b’Ali Sadr bħala direttur. Għalkemm ma jidhirx li Ali Sadr serva ta’ direttur hekk kif ġiet reġistrata Sirius Trade Finance, jidher li Mehdi Shams serva ta’ prestanom għal Ali Sadr hekk kif inħolqot il-Pilatus għax ma hemm ebda prova li din kienet bidlet l-idejn.
Mehdi Shams, Ali Sadr u Hamidreza Ghanbari (is-CEO tal-Pilatus Bank) ilkoll huma mill-Iran iżda jinsabu fil-pussess ta’ passporti maħruġa minn pajjiżi oħra u mid-dehra dawn kienu ġew akkwistati minnhom bis-saħħa ta’ Henley and Partners: f’idejhom dawn għandhom passaporti tar-Renju Unit, ta’ St Kitts and ta’ Dominica.
Sentejn ilu Mehdi Shams kien ġie misjub ħati fl-Iran talli wettaq atti ta’ korruzzjoni flimkien mal-biljunarju Iranjan Babak Zanjani. Il-Qorti ta’ Tehran kienet sabithom ħatja talli ffrodaw lill-gvern tal-Iran għall-ammont ta’ $2 biljun huma u jinnegozjaw iż-żejt bil-kuntrabandu. Iż-żewġ irġiel sostnew li huma kienu qed iservu lir-reġim tal-Iran.
Riċentement John Dalli ammetta li kellu kont bankarju mal-Pilatus Bank.