Dokumenti li ġew ippreżentati f’Qorti Federali Amerikana jikkonfermaw li l-ħidma ta’ Ali Sadr fil-Pilatus Bank ġiet investigata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u li din il-ħidma tifforma parti mill-każ li għandhom bħalissa kontrih. L-Avukat Ġenerali Amerikan saħansitra nforma lill-Qorti Amerikana li Ali Sadr qed jiġi wkoll investigat separatament dwar ħasil ta’ flus maħmuġin f’Malta.
Fi stqarrija b’risposta għat-talba ta’ Ali Sadr biex jingħata l-libertà provisorja, Geoffrey Berman, Avukat Ġenerali Amerikan għas-Southern District ta’ New York, qal li “kemm ilha li saret l-applikazzjoni għal-libertà provisorja fit-28 ta’ Marzu, il-Gvern ikkonferma permezz tal-uffiċjali tiegħu li l-Pilatus Bank u Sadr bħalissa jinsabu taħt investigazzjoni f’Malta dwar ħasil ta’ flus maħmuġin”.
L-Avukat Ġenerali Amerikan li ħarrek lil Ali Sadr issottometta quddiem il-Qorti li jekk Sadr jingħata l-libertà provisorja jkun hemm riskju kbir li dan jaħrab biex jevita l-proċeduri tal-Qorti.
L-Avukat Ġenerali tkellem ukoll dwar il-ħidma ta’ Ali Sadr f’Malta u rrifera għal ittra li Sadr kien kiteb fuq karti intestati ta’ Stark General Trading LLC li fiha talab it-trasferiment ta’ madwar $500,000 lil Pilatus Bank mill-kont bankarju ta’ Stark Trading LLC fl-Emirati Għarab Magħquda. Ali Sadr kien naqas li jiddikjara t-trasferiment ta’ dawn il-flejjes kif kien obbligat li jagħmel skond il-liġi.
Dan juri li, għallinqas f’dan il-każ, il-liġijiet dwar il-ħasil ta’ flus maħmuġin inkisru f’Malta.
Il-Qorti ġiet infurmata wkoll dwar il-ħidma ta’ Ali Sadr f’Malta bħala fundatur u sid tal-Pilatus Bank. L-Avukat Ġenerali Amerikan spjega li l-Pilatus Bank, Ali Sadr u oħrajn jinsabu taħt investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus ġejjin minn sorsi allegatament korrotti għan-nom ta’ kumpanniji offshore u individwi, inkluż iċ-chief of staff tal-Prim Ministru ta’ Malta (li allegatament kellu sehem fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti) u l-President tal-Ażerbajġan.
“Tul il-kors tal-investigazzjoni, ġurnalista investigattiva li kienet xandret stejjer online dwar il-Pilatus Bank ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba”.
Fit-talba tiegħu biex jingħata l-libertà provisorja, Ali Sadr allega li l-Avukat Ġenerali Amerikan kien qarraq meta stqarr li Ali Sadr kien qed jiġi investigat f’Malta dwar ħasil ta’ flus maħmuġin. L-Avukat Ġenerali Amerikan wieġeb li l-informazzjoni li għandu li bħalissa għaddejjin investigazzjonijiet f’Malta issa tinsab konfermata.
L-Avukat Ġenerali Amerikan talab lill-Qorti sabiex tiċħad it-talba ta’ Ali Sadr in vista tas-serjetà tar-reati li jinsab akkużat bihom u minħabba l-provi li diġà jeżistu kontrih. Jekk jinstab ħati, Ali Sadr jista’ jeħel mill-inqas għexieren ta’ snin ħabs u għalhekk għandu kull motivazzjoni li jipprova jaħrab. Il-Qorti ġiet imfakkra wkoll li Ali Sadr huwa sinjurun kbir u li għalhekk m’hu diffiċli xejn għalih li jsib lil min igħinu biex jipprova jaħrab mill-ġustizzja.