Il-Qrati ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea llum iddikjaraw li Malta mhix kunsidrata bħala pajjiż li jista’ jiggarantixxi s-sigurtà għal whistle-blower u għal xhud dwar korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-gvern.

U l-Qrati ta’ dak il-pajjiż membru tal-UE għandhom raġun biex ibiegħu.

Huwa ta’ sodisfazzjon li Maria Efimova issa ngħatat protezzjoni mit-theddid ta’ Joseph Muscat u sħabu. Lawrence Cutajar, Silvio Valletta, Ian Abdilla, Brian Hansford, Glen Bedingfield, Kurt Farrugia, Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom seba’ mitt sena biex lil jaraw Efimova taħt difrejhom. U l-Qrati Griegi fehmu l-implikazzjonijiet kollha ta’ dan kollu u ddeċidew li Malta hi post fejn min jieqaf lill-ħallelin jispiċċa assassinat.

Jien tkellimt ma’ Maria Efimova wara li l-Qorti tat is-sentenza. Ċemplitli mill-ħabs fejn għadha qed tistenna’ biex jintemmu l-proċeduri għall-ħelsien tagħha mill-arrest. Qaltli li issa setgħet tieħu nifs qawwi. Għandha seba’ mitt sena biex terġa’ tara lil uliedha. Lil uliedha qalulhom li kienet marret għal vaganza fit-tul.

Tħoss ċerta gratitudni u talbitni nirringrazzja lill-MEPs David Casas u Stelios Kouloglou li llum it-tnejn kienu fl-awla tal-Qorti Griega. Talbitni biex nirringrazzja lill-attivisti tas-socjetà ċivili f’Malta u fil-Greċja li tawha kull appoġġ.

Leħinha kien mimli entużjażmu. Issa qiegħda tħoss is-sigurtà. Mill-maltemp se tgħaddi għall-bnazzi.

Wara li xxandret l-aħbar, tkellimt ukoll mar-raġel ta’ Maria Efimova. Kien emozzjonat. U tabilħaqq kellu għal xiex ikun emozzjonat. Ma kienx possibbli għalih li jkun ma’ martu llum fl-awla tal-Qorti ta’ Ateni għax kellu jieħu ħsieb lil uliedhom. Hu u uliedhom dalwaqt jerġgħu jarawha. Kellu kliem ta’ ringrazzjament għal kull min appoġġja lil martu. Qal li huwa ta’ sodisfazzjon jara li hemm bosta Maltin li jgħożżu s-sewwa. U li kullimkien hemm ukoll ħafna nies ħżiena. Dawn kienu l-kliem ta’ bniedem li f’pajjiżna daq il-qares u l-morr.

Tkellimt ukoll ma’ David Casa li vvjaġġa apposta lejn Ateni biex jixhed. Kien emozzjonat ħafna. Fil-ħajja ta’ politiku ftit huma dawk il-mumenti fejn jista’ jħoss li ta sehmu biex salva ħajjet ħaddieħor. Fl-esperjenza ta’ votant jeżistu wkoll dawk il-mumenti rari meta dan iħoss li l-Membru Parlamentari intervjena għan-nom tiegħu biex iseħħu l-ġustizzja u s-sewwa aktar milli l-vantaġġ politiku. Dak li seħħ illum kien wieħed minn dawk il-mumenti rari.

Tkellimt ukoll ma’ attivisti li, quddiem l-Ambaxxata Griega, ipprotestaw u talbu l-protezzjoni għal Maria Efimova. Ħafna minnhom ukoll kienu emozzjonati. Għal dawn l-aħħar sitt xhur kellhom jissaportu t-tgħajjir u t-tmaqdir. Mhix ħaġa tas-soltu għalihom li jkun hemm min jisma’ l-karbiet sinċieri tagħhom u li jaraw is-sewwa, l-onestà, is-sinċerità, l-ħniena u l-ġustizzja jseħħu.

Ħadd minn naħa tal-gvern m’hu qed jiċċelebra llum. Huwa ta’ sodisfazzjon li t-talba ta’ Malta għall-estradizzjoni ta’ Maria Efimova ġiet miċħuda. Din hija telfa kbira għall-gvern. In-nuqqas tal-gvern li jħares u jassigura l-ġustizzja f’pajjiżna issa ġie ċertifikat mill-qrati ta’ pajjiż ieħor membru tal-UE. Ħadd ma rebaħ b’dak li seħħ illum.

Isem pajjiżna reġa’ ħa majnata kbira oħra: issa wasalna għall-punt fejn il-qrati ta’ pajjiż ieħor iħossu li min qed imexxi lil pajjiżna mhux ta’ min jafdah biex iħares u jassigura li sseħħ il-ġustizzja u biex jitħarsu x-xhieda. Issa stennew lill-kelliema tal-gvern jgħidu li s-sentenza ingħatat kif ingħatat għax David Casa u l-attivisti tas-soċjetà ċivili huma tradituri ta’ pajjiżhom.

Diġà smajniha kemm il-darba din il-qanpiena mġenġla. Meta xi Membri tal-Parlament Ewropew u xi Parlamentari oħra minn madwar l-Ewropa lil Joseph Muscat kienu qalulu f’wiċċu li Malta hi post perikoluż għal Maria Efimova (u oħrajn) tort tad-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-fehmiet tal-gvern tiegħu, Muscat stqarr li jiġi jaqa’ jqum minn dak li qalu l-Parlamentari. Għalih dawn m’humiex ikkalkulati għalkemm meta kien fosthom għal snin twal ippretenda r-rispett u l-attenzjoni mingħandhom.

Dakinhar stqarr li jagħti każ biss ta’ dak li jgħidulu prim ministri oħra.

Illum se jgħid li jiġi jaqa’ u jqum minn mill-fehma ta’ mħallef Grieg u li se jagħmel pressjoni diplomatika biex is-sentenza tal-Qorti tinqaleb. Se jgħid ukoll li l-imħallfin, bħall-Parlamentari, għalih ma jiswew xejn. U li se jinjorahom sakemm ikellmuh prim ministri oħra.

M’hemmx dubju li dawn se jkellmuh żgur.

U mistennija li jkellmuh għaliex se jkomplu jisimgħu l-ilħna ta’ dawk il-Maltin li jħossu sens ta’ mistħija minħabba l-għawġ li Joseph Muscat ġab fuq il-pajjiż. U dak li seħħ illum se jkompli jħeġġiġhom biex jipprotestaw minkejja t-theddid u l-intimidazzjoni.

Dawn il-Maltin se jqiegħdu fjura u xemgħa kuljum. Se jkomplu jħejju l-protesti. U wliedhom ma jkunu jafu b’ebda theddid u intimidazzjoni.

Li hu żgur hu li ħalqhom mhux bi ħsiebhom isodduħ. Għaliex hemm min qed jisma’. U biex iseħħ dak li hu sewwa jeħtieġ li tingħad il-verità.

 

Photo: REUTERS/Darrin Zammit Lupi