Hemm mistoqsija li jeħtieġ li ssir. Huwa minnu li l-aħwa Degiorgio kienu jafu minn qabel li kienu se jinġabru qabel dawn ġew arrestati? Tinbet din il-mistoqsija mis-supett li daħallu l-uffiċjal li mar jarrestahom f’dak il-jum ta’ Diċembru filgħodu. “Kontu tafu li se niġu niġbrukom. Min qalilkom li konna ġejjin?”
Xi ħadd m’għaddielhomx kelma biex itihom iċ-ċans li jaħarbu. Ma kienx ikun possibbli li jaħarbu. L-aħwa Degiorgio ilhom iħabbtu difrejhom mal-ġustizzja għal snin twal u jafu sewwa mnejn għandhom igħaddu. Iżda hi ħaġa utli li wieħed ikun jaf bil-quddiem dak li jkollhom f’moħħhom il-pulizija. Għax lil dak li jkun tista’ tagħtih biżżejjed żmien biex jaħbi jew biex iwarrab il-provi.
Dawk il-mobiles kollha f’qiegħ il-baħar. Min jaf x’kien hemm aktar?
Smajt li l-pjan dwar l-arresti nżamm sigriet: numru żgħir ħafna ta’ pulizija kienu jafu x’kien qed jinħema. U madankollu l-Fulu u ċ-Ċiniż donnhom kien jafu li kienu se jinġabru t-Tnejn filgħodu. Kif kienu saru jafu? Il-Pulizja jafu min kien għaddielhom l-informazzjoni? U jekk jafu min, x’passi ttieħdu?