Meta sena ilu u anki ftit aktar, Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar bank f’Malta li kien inħoloq apposta biex jaqdi lir-reġim tal-Ażerbajġan, kienu xlewha li kienet qed tigdeb. Meta mbagħad kitbet dwar il-fatt li fost il-klijenti tal-bank hemm ulied Ilham Aliyev tal-Ażerbajġan, tal-Labour qalulna li kienet qiegħda tivvinta l-istejjer. U meta kitbet dwar kif il-ministru tal-enerġija – meqjus bħala l-persuna fost l-akbar sinjuri fl-Ażerbajġan – inqeda’ bil-Pilatus Bank biex ikollu aċċess madwar l-Ewropa, Daphne ġiet injorata.  Fejn għandhom x’jaqsmu dawn l-istejjer The Daphne Project issa daħal aktar fil-fond. Xi ġurnalisti ivverifikaw dawn l-istejjer bid-dettall kollu b’mod indipendenti, rnexxielhom jiskopru aktar u mbagħad għaddew biex xandruhom. Tal-Labour issa qed issejjħilhom  “stejjer riċiklati” u “xejn ġdid”. Bil-wiċċ tost kollu, hekk sejjħulhom. Dawn in-nies agħar minn dawk it-tfal li minn minuta għall-oħra jigdbu kontinwament u jippruvaw isibu l-iskużi minkejja l-kontradizzjonijiet li jkunu waqgħu fihom.

Il-ħasil ta’ flejjes misruqa u l-konverżjoni tagħhom f’proprjetà fl-Ewropa mill-irjus kbar tar-reġim fl-Ażerbajġan hi kwistjoni ta’ interess dinji: stejjer li mhux ħaġa kbira li ssibhom f’The Guardian u The New York Times. Iżda hawn Malta jeħtieġ li jinġibdu xi konklużjonijiet minn dawn l-istejjer li qed jixxandru minn The Daphne Project:

  1. l-investigazzjonijiet li kienet għamlet Daphne dwar il-Pilatus Bank kienu ta’ min jorbot fuqhom u kienu bażati fuq provi verifikati u verifikabbli u konfermati minn investigazzjonijiet oħra;
  2. l-għejjun ta’ Daphne fil-Pilatus Bank wrew li huma nies li kellhom informazzjoni ta’ min jorbot fuqha u pprovdew informazzjoni korretta dwar dak kollu li kien għaddej fil-bank;
  3. l-istejjer li kitbet dwarhom Daphne dwar dak kollu li kien għaddej fil-Pilatus Bank ixxandru mill-inqas sena sħiħa qabel ma ttieħdu passi mill-gvern Malti kontra l-bank;
  4. kien hemm min kellu l-interess li jara li Pilatus Bank jiġi mħares u protett minn dak li Daphne kienet qed tikxef dwarhom, akkost li tintuża l-vjolenza biex jitwarrab min kien qed itellifhom.

Dan kollu juri li Daphne Caruana Galizia mhux biss kienet ġurnalista straordinarjament kompetenti iżda kellha wkoll sens ta’ ġudizzju tajjeb ħafna speċjalment meta kienet tiġi biex tgħarbel l-informazzjoni u kellha aċċess għal għejjun li ħaddieħor ma kellux. L-uniċi raġunijiet għaliex dawn l-istejjer huma hekk imsejjħa “riċiklati” (li fil-fatt m’humiex) hi li tal-Labour kienu inqdew bir-riżorsi kollha li kellhom biex ma tittieħed ebda azzjoni dwarhom. Li kieku l-Amerikani ma qaflux lil Ali Sadr il-ħabs, il-Pilatus Bank bħalissa għadu qed jopera u nkunu wkoll qegħdin nixlu lil Die Zeit u lil France 2 li qed jigdbu għax iridu lura lil Simon Busuttil. U, wara kollox, x’hemm daqshekk ħażin li wieħed jerġa’ jagħti daqqa t’għajn lejn ċerti veritajiet u jkompli jivverifikahom u jxandarhom ripetutament? Lit-tfal tagħna l-istorja dwar l-Arka ta’ Noe’ darba biss nirrakkontawielhom?

Mela erġa’ ismagħha Edward Scicluna. Taħt imnieħrek tal-Pilatus Bank ħaslu flejjes maħmuġin għad-dittaturi u inqdew bit-tberika tiegħek, bil-liċenzja li tajthom u bir-reputazzjoni tajba li int writt mingħand ta’ qablek. U mill-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ oħrajn int kont taf x’kien qed iseħħ. Allura erġa’ ismagħha kemm hemm bżonn sakemm int tammetti li int dan kollu ħallejtu jseħħ. U li mitluf kif kont tgħodd u terġa’ tgħodd il-muniti, erħejt l-uċuħ fil-għalqa mejtin bil-għatx f’xemx tiżreġ.