Korrispondenza bejn Christian Kaelin ta’ Henley & Partners u l-SCL Group turi li Kaelin kien talab lil SCL tintroduċih ma’ Joseph Muscat f’Ġunju 2011. Dak iż-żmien f’Malta kien hawn gvern tal-PN immexxi minn Lawrence Gonzi u Joseph Muscat kien ilu Kap tal-Oppożizzjoni tliet snin.

Il-korrispondenza tindika li SCL – li aktar tard waqqfet il-kumpanija Cambridge Analytica – kien ilha tagħti l-pariri lill-Partit Laburista ta’ Malta għal diversi snin qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

L-istess korrispondenza tiżvela wkoll l-ewwel tentattivi minn Henley & Partners biex jibnu relazzjoni mal-Partit Laburista li inqas minn sentejn wara appuntahom biex ikunu responsabbli esklussivament mill-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.

Henley & Partners u l-SCL ikkollaboraw b’mod regolari f’diversi ġurisdizzjonijiet fuq proġetti konġunti, b’mod partikolari f’St Kitts & Nevis u fi Grenada fejn l-SCL assistiet lil Henley & Partners biex tiżgura li jerġgħu jiġu eletti fil-gvern partiti politiċi li kienu favur il-bejgħ taċ-ċittadinanza u, fil-każ ta’ Grenada, iffaċilitat il-kollass tal-partit tal-oppożizzjoni wara li dan mexxa kampanja biex titneħħa l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Fi żvilupp separat, Delara Taylor, li huwa shareholder ta’ Henley & Partners Russia – kumpanija sussidjarja ta’ Henley & Partners – qed jikkontesta l-elezzjoni interna li qed issir għall-eżekuttiv tal-partit prinċipali tal-oppożizzjoni ta’ St Kitts & Nevis.

Il-korrispondenza tal-2011 bejn Henley and Partners u SCL turi li wara li talab lil SCL biex tlaqqgħu mal-Partit Laburista ta’ Malta, Christian Kaelin informa wkoll lill-SCL li kien se jipprova jsib mezz kif jiltaqa’ mal-Partit Nazzjonalista. F’dan il-każ SCL ma setgħetx tgħin lil Kaelin għax ma kellha l-ebda kuntatti fil-PN.

Fil-fatt Christian Kaelin żar lill-PN fis-sajf tal-2011 wara li rnexxielu jasal permezz tal-membru parlamentari David Agius, li llum huwa Viċi Kap tal-PN.

Sorsi qalu li Christian Kaelin ippropona skema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza lill-PN imma l-PN ma wera l-ebda interess f’dan il-proġett. Minn dakinhar ma nstema’ xejn iżjed dwar Christian Kaelin sa ma reġa’ tfaċċa fl-2013 bħala l-għażla preferuta ta’ Joseph Muscat għat-tħaddim tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Tmintax-il xahar wara l-ewwel tentattivi ta’ Kaelin biex jinvolvi ruħu f’Malta, f’Novembru 2012, Alexander Nix mill-kumpanija SCL – li aktar tard kellu jmexxi lil Cambridge Analytica sakemm kien imġiegħel jirriżenja ftit ġimgħat ilu hekk kif faqqa’ l-iskandlu tal-manipulazzjoni tad-data u l-kampanji mimlija manuvri maħmuġin – iltaqa’ mal-Partit Nazzjonalista biex jipproponilu li jassistih fl-elezzjoni li kellha ssir xahrejn wara, fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu.

Il-proposta ta’ Alexander Nix ma tteħditx bis-serjetà mill-PN dakinhar minħabba li ż-żjara tiegħu ntqieset bħala suspettuża qrib ħafna tal-elezzjoni, aktar u aktar f’dak l-istadju meta kien diġà tard wisq biex jiġu żviluppati xi inizjattivi li setgħu jservu għal xi ħaġa. Uffiċjali tal-PN ħassew ukoll li anke n-natura taż-żjara ta’ Alexander Nix, li ħadd ma kien staqsa għalih, kienet waħda suspettuża.

Eksuffiċjali tal-PN li tkellmu miegħi b’mod kunfidenzjali spjegaw li l-avvenimenti li seħħew wara kkonfermaw is-suspett li kellhom dakinhar li l-SCL kienet avviċinat lill-PN biex tipprova tilagħbu, ħalli tikseb informazzjoni li setgħet tkun utli għall-kampanja tal-Partit Laburista.

L-informazzjoni fil-korrispondenza Henley & Partners – SCL żvelata minn The Spectator tikkonferma li ż-żewġ organizzazzjonijiet ħadmu id f’id b’mod konsistenti f’diversi pajjiżi u għamlu l-istess f’Malta sa mill-2011 qabel iż-żmien meta l-Labour kien ħabbar il-famuża ‘roadmap’ tiegħu li kellha tinkludi bħala l-ewwel tappa importanti tagħha l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.