Anġlu Farrugia bla dubju għandu s-saħħa li jagħti l-kenn lil Keith Schembri u li jeżentah milli jwieġeb għall-mistoqsija dwar jekk Schembri kienx wieħed mill-mistednin għat-tieġ ta’ Ali Sadr li kien sar fil-Four Seasons f’Firenze.

Iżda ċertament ma jistax jipproteġi lil Malta mill-konsegwenzi tal-ħbiberija li teżisti bejn Keith Schembri, Ali Sadr u l-bqija tal-klikka tal-ħallelin li ħatfu lil pajjiżna biex jaqdu l-interessi personali tagħhom a skapitu tal-interessi tal-poplu.

Min jaf, forsi Anġlu Farrugia issa jitħajjar juża l-poteri kbar li għandu biex jipperswadi lil Euromoney, rivista online li tispeċjalizza fil-banek u l-finanzi u li tinqara’ minn investituri madwar id-dinja, li dak li kitbet illum intitolat “Il-Banek: nuqqas ta’ fiduċja f’Malta” mhuwiex ġustifikat.

U żgur li ġustifikat it-titlu.

Illum kont qed nitħaddet ma’ ekonomista veteran ta’ esperjenza kbira li kien ta pariri lil diversi gvernijiet u negozji dwar l-istrateġija meħtieġa biex jitħejja programm ta’ żvilupp għal Malta. Ma qalli xejn ġdid. Qalli li ħames snin ilu Malta kellha dehra ta’ pajjiż li kellu “storja ta’ suċċess”. Pajjiżi zgħar madwar id-dinja kien jqisu lil Malta bħala eżempju għal ħaddieħor. Pajjiżi akbar kienu jieqfu biex jisimgħu meta kienet titkellem Malta.

Iżda issa tlifna l-fiduċja tad-dinja. U meta titlef il-fiduċja, diffiċli li terġa’ tirbaħha lura. Ta’ dan kollu għandna għax nirringrazzjaw lil Joseph Muscat u l-istediniet għat-tiġijiet li aċċetta — u għal dak kollu li kien lest jagħmel għal ħallelin bħal Ali Sadr u oħrajn li għadhom ma kilux il-ħabs. M’aħniex il-bogħod milli jibdew iqisuna bħala pajjiż li ma jistax jiġi fdat.

Araw x’għamiltu! Għaffiġtuha!