Għandi nformazzjoni li l-Pulizija taf min hu dak li widdeb lill-allegati assassini ta’ Daphne Caruana Galizia dwar l-arrest tagħhom qabel dawn ġew arrestati.
Il-ħsieb ta’ min kellimhom kien li jwiddibhom biex, qabel l-arrest tagħhom, jeħilsu minn kull prova li setgħet tinkriminahom, bħal per eżempju l-mobile phones.
Jidher li l-Pulizija saret taf li għamel din it-twiddiba huwa kuntistabbli prinċipjant. Dan il-kuntistabbli ġie trasferit għal dipartiment ieħor u jidher li ma saru ebda investigazzjoni formali jew proċess dixxiplinarju.
Dan il-każ inżamm mistur għaliex kien hemm min qed jibża’ li potenzjalment jista’ jaqla’ ħafna nkwiet.
Għalkemm m’għandna niskantaw xejn li kriminal professjonali bħalma huwa George Degiorgio u ż-żewġ allegati assassini l-oħrajn għandhom il-kuntatti fil-korp tal-pulizija, każ bħal dan iqajjem dubji serji dwar il-possibilità li seta’ kien hemm motivazzjonijiet politiċi biex dawk li qed jinvestigaw jibqgħu ma jsibux tarf dwar l-identita ta’ min qabbad lill-assassini biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.
Peress li baqgħet ma saritx investigazzjoni formali, il-Pulizija għandha mnejn tiċħad li, kemm ilu li ġie arrestat George Degiorgio, t-trasferimenti li saru għall-għarrieda fil-korp kellhom b’xi mod x’jaqsmu ma’ suspetti dwar l-egħmil ta’ min ġie trasferit. Wara kollox, il-Pulizija ma tistax taqbad u tammetti li fi ħdan il-korp għad hemm uffiċjali li huma suspettati li widdbu lill-kriminali biex jiġu mistura l-provi qabel l-arrest tagħhom.