Ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità saru biex jagħtu kenn lin-negozji mill-aġir abbużiv tal-kompetituri tagħhom. Ċertament ma sarux biex jagħtu kenn lill-kriminali u biex jostru l-kriminalità tagħhom.

Jekk dokumenti ta’ sid ta’ negozju jinsterqu u jiġu mgħoddija lill-kompetitur tiegħu jew imkella jixxandru pubblikament, ikun seħħ ir-reat ta’ spjunaġġ industrijali u sid in-negozju jkollu kull dritt li jilmenta.

M’għandniex xi ngħidu, sakemm dak li kien qed iseħħ kien illegali. Jew inkella il-mod kif twettaq kien illegali.

Negozju li huwa frott tal-korruzzjoni m’għandux dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti tiegħu mill-istat.

Bil-kuntratt tal-Electrogas il-poplu Malti ngidem waħda u sewwa. U dan il-kuntratt kien ilu fil-pjanijiet tal-Partit Laburista minn qabel ħa r-riedni tal-poter fl-2013.

Qabel l-2012 il-membri tal-konsorzju – li sa dak iż-żmien kienu għadhom ma bdewx jimbuttaw lis-SOCAR (li mbagħad daħlet aktar tard) – kienu ippreżentaw il-proġett lill-Partit Laburista u lill-Patit Nazzjonalista. Il-PN kien bgħathom jixxejru.

Il-Partit Laburista fetħilhom il-bibien u ntlaħaq ftehim. Mingħajr proċess ta’ procurement. Mingħajr kompetizzjoni miftuħa. U dan meta kienu lanqas għadhom ħadu l-gvern.

Lill-partiti politiċi l-konsorzju qalilhom: “aħna nagħtu s-sehem tagħna jekk intom tagħtu s-sehem tagħkom”.

Jidher li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi sehemhom tawħ. M’hemmx dubju li l-Electrogas tat sehemha wkoll. Int ukoll qed tagħti sehmek billi tħallas DARBTEJN dak li suppost qed tħallas fuq il-kontijiet tad-dawl.

Tal-Electrogas marru għand il-Pulizija b’rapport li xi ħadd xandar id-dokumenti tagħhom u fil-frattremp issa sirna nafu kemm fil-fatt huwa serju dan l-att kriminali li twettaq fuq Malta.

Għad fadal x’jinkixef.