Mhux biżżejjed li tal-MFSA joqgħodu jippruvaw iserrħulna moħħna li l-funzjoni regolatorja tagħha kienet tħaddmet filwaqt li kien għaddej bix-xogħol tiegħu l-Pilatus Bank. (Aqra l-istqarrija tagħhom hawn isfel). Qalulna li kienu qabbdu ditta barranija biex tiġbrilhom l-informazzjoni qabel iddeċidew li jagħtu liċenzja lil tal-Pilatus u li kienu żammew għassa stretta fuq il-Bank sakemm dan kien liċenzjat.
B’dak kollu li kien qed jiġri taħt imnieħer tal-MFSA, għandi kurżità kbira li nsir naf x’kienet din l-informazzjoni kollha li suppost inġabret. M’għandniex xi ngħidu, ħadd m’hu jippretendi l-perfezzjoni mingħand ħadd u r-regolaturi ma jistgħux ħlief joqgħodu fuq l-informazzjoni li jkun irnexxielhom jiġbru u li jekk taqbżilhom xi ħaġa nistgħu biss nittamaw li sservihom ta’ lezzjoni biex l-iżball ma jerġax jirrepeti ruħu.
Iżda dalgħodu tal-MFSA ħarġu stqarrija li mhux biss hi nieqsa għal kollox mill-umiltà iżda naqsu wkoll li jiskużaw ruħħom mal-poplu Malti talli kienu taw liċenzja lil bankier nieqes mill-kwalifiki li, qabel applika mal-awtoritajiet lokali biex tingħatalu liċenzja, kien diġà mdaħħal sa ruħ ommu f’attività kriminali finanzjarja.
Tal-MFSA, biex joħorġu bi skuża, qishom qed igħidulna: “isma’, aħna wettaqna xogħolna; għaddejna l-applikazzjoni mill-għarbiel; regolarment żammejnilu l-għassa; għandna patafjun karti dwaru; u allura mhuwiex ġust li toqgħodu tikkritikawna”.
Dan l-attentat minn naħa tal-MFSA biex igħattu xturhom ifakkarni f’episodju mis-sensiela televiżiva “Yes, Minister”. Episodju li fih sptar jitpinġa bħala wieħed li hu minn ta’ quddiem nett f’dik li hi effiċjenza: kollox iseħħ f’ħinu, żmien ta’ stennija ineżistenti u nfiq skond kif programmat. Iżda l-bużillis hu li dan l-isptar ma jilqax pazjenti. U hekk għandu jkun. Għax inkella d-dħul tal-pazjenti l-effiċjenza tonqos sew u l-istatistika ma tibqax tlellex.
Huwa minn ewl id-dinja li wieħed forsi jifhem – madankollu mhux kulħadd ikun propens li jemmen – meta ssir xi forma ta’ apoloġija mingħand tal-MFSA u dan talli ħarbilhom dak li l-aġenti barranin kienu xammew mill-ewwel.
M’hi rilevanyti xejn id-distinzjoni li saret bejn l-akkużi li saru kontra Ali Sadr fl-Istati Uniti u l-ħidma tal-Pilatus Bank. Awtorità regolatorja serja ma tista’ qatt tagħti liċenzja lil ħalliel. Li kieku jkun hemm persuna suspettata b’traffikar ta’ armi jew traffikar ta’ drogi u tmur b’10 miljun ewro f’idha biex titlob liċenzja mingħand l-MFSA biex topera bank f’Malta, għandi nippretendi li tal-MFSA jibgħatuha tixxejjer. Għandi nippretendi li f’moħħ tal-MFSA mill-ewwel għandu jidħol is-suspett li Bank suppost nadif immexxi minn ħalliel jintuża biex jostor attivitajiet illegali.
Huwa ċar għalhekk li tal-MFSA ma jistgħux jiskużaw lilhom infushom billi joqgħodu jgħidu li l-akkużi miġjuba fl-Amerika kontra Ali Sadr m’għandhomx x’jaqsmu mal-kwistjoni dwar jekk dan kienx ħaqqu li jingħata liċenzja jew le.
Tal-MFSA setgħu forsi qalu li kienet qabżitilhom l-informazzjoni dwar x’kien qed iħawwad fil-borma Ali Sadr. Setgħu qalu lil dawk li għaddewlhom l-informazzjoni kienet qabżitilhom ukoll. U li jekk dan kien il-każ, hu minn ewl id-dinja li tal-MFSA ikollhom jikxfu min kienu dawk li għaddewlhom l-informazzjoni żbaljata sabiex imbagħad ikunu jistgħu jfittxuhom bil-Qorti xejn xejn biex jiġi żgurat li dawn ma jitqabbdu għax-xogħol minn ebda regolatur ieħor fid-dinja.
Iżda tal-MFSA mhux hekk qalu fl-istqarrija tagħhom tal-lum. Kulma qalu kien li “huma kienu wettqu xogħolhom u li huma m’humiex responsabbli għan-nuqqasijiet tagħhom stess u għall-ħsara li saret lil Malta”.
Tal-MFSA m’humiex kapaċi li jammettu l-ħtija għall-iżbalji kemm tagħhom kif ukoll tal-kuntratturi mqabbda minnhom. U lanqas indenjaw ruħħom igħidulna jekk Ali Sadr kienx gidbilhom dwar l-imgħoddi tiegħu issa li nkixfet il-ħidma tiegħu ta’ qabel l-2014 bis-saħħa tal-akkużi li nġiebu kontrih mill-awtoritajiet Amerikani. Naqsu li jgħidulna Ali Sadr x’kien qalilhom u dwar x’kienu għaddew mill-għarbiel tagħhom.
Lanqas m’huma qed igħidluna lil min kienu qabbdu biex jiġbor l-informazzjoni dwar Ali Sadr u dwar x’kien fiha din l-informazzjoni.
Jekk tal-MFSA m’humiex kapaċi li għallinqas jippruvaw jiskużaw l-operat tagħhom billi jgħidu li kienu ħatja ta’ negliġenza jew ta’ inkompetenza jew li kienu ingħataw pariri ħżiena, ma nistgħux ma niġbdux il-konklużjoni li lil Ali Sadr kienu għattewlu xturu meta tawħ il-liċenzja, li għalqu għajnejhom minkejja li kienu jafu li kien imdaħħal f’reati kriminali ta’ natura finanzjarja u li ttradew il-fiduċja tal-Istati Uniti (barra wkoll dik ta’ pajjiżhom) meta ppermettew lil dan il-ħalliel u kriminal igħaddi lid-dinja biż-żmien minn Malta stess.
Bl-istqarrija li ħarġu llum, tal-MFSA komplew igħoddsu fil-ħama. U minflok ħarġu bi stqarrija li forsi setgħet tifdihom xi ftit, komplew għaxxquha.
Tal-MFSA ma qalulna xejn dwar x’kienet ir-raġuni li ġiegħlithom jagħtu liċenzja lil Pilatus Bank. Ma qalulniex il-għala tal-KPMG kienu aċċettaw lill-Bank bħala klijent meta oħrajn kienu rrifjutawħ. Ma qalulna xejn dwar dawk li mill-KPMG kienu qed jagħti l-pariri lil Ali Sadr spiċċaw daħlu jaħdmu mal-Pilatus Bank hekk kif il-Bank ingħata l-liċenzja. Ma qalulna xejn dwar kif lil dan is-suppost bankier spiċċaw biex qdewħ minkejja d-diffikultajiet kbar li kien hemm fl-applikazzjoni tiegħu.
Tal-MFSA ma qalu xejn dwar dak li għadda bejnhom, bejn il-Pilatus Bank u bejn dawk li kienu qed jagħtuhom il-pariri meta tfaċċaw is-suspetti dwar ħidmet il-Bank fost in-nies tagħha stess u dawk tal-FIAU. Tal-MFSA ma qalu xejn dwar kif kienu njoraw lill-impjegati tagħhom stess meta dawn kienu wrew it-tħassib tagħhom dwar il-Bank; u dan anke meta rriżulta ċar li minn naħa ta’ min kien qed imexxi l-Bank kien hemm intenzjoni kriminali u malizzjuża.
U tal-MFSA iriduna nemmuhom li kienu għamlu xogħolhom kif suppost minkejja n-nuqqasijiet fl-istqarrija tagħhom.
Li kieku dak li ġara, ġara f’pajjiż ċivilizzat il-gvern kien jordna inkjesta indipendenti komposta minn esperti immexxijin minn awtorità ġudizzjarja jew parlamentari. Minflok għandna awtorità li aktar moħħha li tgħatti x-xtur bil-għan taqdi mill-koxxa lil dawk li pajjiżna sar il-proprjetà privata tagħhom.