Edward Scicluna, il-ministru responsabbli għall-infiq kollu li jagħmel il-gvern, illum ħareġ għonqu biex jiċċara li l-gvern kien ser jiffinanzja lil Puttinu direttament mill-baġit tal-istat u mhux mid-dħul mill-bejgħ tal-passaporti.

Hu minn ewl id-dinja li l-ministru jkun jaf dan għax hu proprju hu li jiffirma d-dokumenti li jkunu meħtieġa. Għalkemm imissu jaf ukoll li l-mod kif il-gvern għandu jonfoq flus il-poplu fuq proġetti umanitarji suppost huwa permezz ta’ kompetizzjoni pubblika skond il-liġi u mhux billi jeħroġ flus għall-karità.

Iżda dak li stqarr il-ministru ma kien jaqbel xejn ma’ dak li stqarr il-gvern meta Joseph Muscat għamel dik il-famuża telefonata lil Peppi Azzopardi nhar il-Ġimgħa filgħaxija biex iwassal deċiżjoni li, aktar milli ttieħdet biex jiġu mgħejjuna t-tfal morda bil-kanċer, se sservi biex jitnaddaf il-ħmieġ li qed tħalli warajha l-iskema tal-bejgħ tal-passporti.

U, m’għandniex xi ngħidu, kelliema tal-gvern ma żammewx lura milli jgħollu mas-smewwiet kemm lil din l-iskema kif ukoll il-ġenerożità ħanina tal-prim ministru. Robert Musumeci qalha fi ftit kliem meta stqarr li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti qegħda sservi għall-iskop li għalih inħolqot.

Iċ-ċifra tad-dħul mill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti bħalissa tgħodd il-miljuni u allura wasal iż-żmien li sservi “għall-iskop li għalih inħolqot” wara dawk il-ħlasijiet kollha ta’ flejjes mit-tixħim lil min f’idejh għandu s-setgħa, mid-dehra kompriż ukoll ħlasijiet fil-kontijiet bankarji personali ta’ Keith Schembri.

Għaliex għandkom tifhmu li jekk għandu raġun Edward Scicluna li l-għajnuna għall-pazjenti morda bil-kanċer se tiġi mill-baġit tal-istat, jaqa’ zoptu l-argument politiku tal-Labour dwar l-involviment tal-iskema tal-bejgħ tal-passporti.

Minħabba l-kritika internazzjonali li qed jaqla’ għal skema li qed isservi biex baxx baxx jiġu evitati s-sanzjonijiet minn ċerti sinjuruni, m’hemmx dubju li tal-Labour kellhom bżonn urġenti li jgħidu li d-donazzjoni saret bis-saħħa tal-iskema. Huwa ċar li tal-Labour iridu jdaħħluha f’moħħ in-nies li jekk titneħħa l-iskema, it-tfal morda bil-kanċer jibqgħu mingħajr għajnuna.

Lill-poplu Muscat jistmah l-istess kif kien jistma Pavlov lill-klieb tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li bosta mbagħad waqgħu fin-nasba.

Dalgħodu fit-toroq kien hemm min qal: “X’għamlilhom Joseph lin-Nazzjonalisti”.

Bosta hekk jarawha l-affari. Qisha xi rebħa fuq Beppe Fenech Adami u fuq Jason Azzopardi li t-tnejn kitbu dwar il-mod kif il-gvern abbuża mit-tbatija ta’ dawk morda bil-kanċer biex jipprova jirbaħ is-simpatija.

Ħalli għal Adrian Delia biex jitlaq għal riħħom lil Beppe Fenech Adami u lil Jason Azzopardi hu u jikteb b’mod ambigwu fil-Facebook biex jinstema’ ħelu f’widnejn min jaqraħ, tkun xi tkun il-fehma tal-qarrej dwar il-kwistjoni. Biex b’hekk la jinten u lanqas ifuħ.

Imbagħad hemm Edward Scicluna li b’riħet ix-xamma politika sofistikata li għandu ma jħabbilx rasu li juża pazjent marid għall-finijiet politiċi tiegħu. Iżda mid-dehra din ix-xamma politika m’hix sofistikata biżżejjed biex iġġiegħlu jinduna bit-taħwid li Joseph Muscat qed joħloq fl-imħuħ ta’ poplu sħiħ.

Din, wara kollox, kienet ir-raġuni li xi ħadd ġiegħel lil Edward Scicluna iħassar dak li kiteb. Għax il-fatti mhumiex importanti daqs ir-rieda tal-mexxej suprem.