Din l-istqarrija kienet ippubblikata għall-ewwel darba fuq il-paġna Facebook tiegħek meta dan is-sit ma kienx aċċessibbli.

manueldelia.com għada ma tistax tinqara minn ħafna minn dawk li qed jipprova jidħlu fiha. Dan minħabba attakk DdoS qawwi fuq fronti differenti fuq is-servers li tuża l-website. Dan hu t-tieni waqfien din il-ġimgħa u l-itwal wieħed fis-sena li ilu jeżisti l-blog. Il-website kienet rappurtata mitfija fl-10 ta’ fil-għaxija tas-Sibt u għada mitfija s’issa l-5pm.

It-tekniċi tal-kumpanija li tipprovdi s-servizzi ta’ hosting tas-sit ħadmu bla heda bil-lejl u bi nhar biex jipprovaw jerġgħu jixgħelu l-website.

manueldelia.com hi hosted fuq servers barra minn Malta u s-servizzi ta’ hosting huma pprovduti minn kumpanija b’reputazzjoni tajba u esperjenza twila ta’ servizzi lil ħafna websites oħrajn bi traffiku bil-bosta akbar minn ta’ manueldelia.com.

It-taqsima tas-cybercrime tal-pulizija ntalbet tinvestiga dawn l-attakki.

Analiżi tal-informazzjoni miksuba turi li dawn l-attakki huma xogħol hackers professjonali li qed jaħdmu minn bażi barra minn Malta.

Mill-ewwel attakk DdoS fuq il-website aktar kmieni din il-ġimgħa, ittella’ software b’difiża ġdida biex tipprova telgħeb dawn l-attakki.

Qed jiġu kkunsidrati aktar possibilitajiet u valutati għall-ispiża tagħhom u dak li wieħed jista’ jittama li jirnexxielhom jagħmlu.
Irid jingħad iżda li f’ambjent demokratiku il-pubblikazzjoni ta’ kontenut elettroniku m’għandux ikun battalja għas-soppravivenza kontra attakki finanzjati tajjeb.

Attakki ċibernetiċi huma reati punibbli bil-liġijiet Maltin. Jekk dawn ir-reati qed jitwettqu f’isem jew fuq struzzjonijiet tal-istat dawn huma ksur manifest tad-dritt fundamentali għall-espressjoni ħielsa.

M’għandux jimporta li l-kontenut tal-website attakkata hu kritiku kontra l-gvern. Hi l-funzjoni tal-gvern li jara li titħares il-libertà tal-kelma fil-komunità u li tingħata priorità li l-ħelsien tal-kritiċi li jgħassuh.

Jagħmel sew min ifittex kif jegħleb dawn l-ostakli u manueldelia.comtapprezza tassew offerti t’għajnuna teknika jew fi flus biex il-website terġa’ tinxtegħel kemm jista’ jkun malajr. Iżda ħadd m’għandu jaċċetta li jsiru dawn l-attakki.

Ħadd m’għandu jaħseb li dawn huma xi ħaġa naturali li wieħed jistenna fuq il-lant tax-xogħol ta’ dawk li jikkritikaw lill-gvern.

Dawn l-attakki huma konxji u ko-ordinati. Huma intiżi biex isikktu l-kema ħielsa. Huma aktarx imħallsa, immotivati u mqabbda mill-gvern ta’ Malta.

Li l-komunità – min jaqra, kollegi ġurnalisti, is-soċjetà ċivili, partiti politiċi, u l-istat innifsu bl-istituzzjonijiet tiegħu – tonqos milli tinnota u tara li telgħeb dawn l-attakki intiżi li joħonqu l-informazzjoni u l-fehmiet differenti, ifisser rassenjazzjoni quddiem il-ħakma dejjem tikber tal-forzi oskuri tal-kriminalità li qed jaħtfu dejjem aktar mill-ispazju pubbliku li suppost hu tal-komunità.

Taċċettax li jiġri dan.