Id-dokument iffirmat mill-pulizija li jinsab inkwadrat hawn jiċċertifika li l-gvern, permezz tal-impjegati tiegħu, neħħa strixxun bil-bandiera ta’ Malta, b’wiċċ il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u bil-kelma ‘Ġustizzja’ stampata fuqu b’tipi grassi.

Kaxkru magħhom ukoll il-fjuri u x-xemgħat u ħallew warajhom mandra sħiħa. Huma u jneħħu l-istrixxun, dawn il-ħaddiema għamlulu l-ħsara.

Ninsab bla kliem. Din m’hi xejn ħlief azzjoni meħuda fuq ordni tal-istat biex tiġi ċensurata protesta.

L-iskuża li nġiebet li setgħet issir il-ħsara lill-mafkar tal-Assedju l-Kbir, banali kemm hi banali, issa m’għadhiex tgħodd għaliex l-istrixxun, il-fjuri u x-xemgħat tqiegħdu ma’ wiċċ għotjien li m’għandhomx valur materjali.  L-iskuża li nġiebet dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà hu u jsir ix-xogħol ta’ restawr, banali kemm hi banali, ma tgħoddx għax ix-xogħlijiet għadhom ma bdewx. L-iskuża li nġiebet li huwa xogħol il-ħaddiema tal-indafa pubblika li jnaddfu, banali kemm hi banali, ma tapplikax għaliex dawn m’għamlu ebda xogħol ta’ tindif iżda qalgħu strixxun minn postu, neħħew ix-xemgħat u l-fjuri u ħallew mandra sħiħa warajhom.

Għat-tieni darba, l-pulizija għaddewlna l-oġġetti misruqa. Ċertament m’humiex jieħdu pjaċir li, mingħajr ma riedu, “ddaħħlu bejn il-basla u qoxritha”. Huma kkonfermawlna li aħna ma ksirna ebda liġi bl-azzjoni tagħna. Li kieku kien hemm xi ksur tal-liġi minn naħa tagħna, ma kinux iroddu l-oġġetti lura f’idejna iżda kienu jżommuhom fil-pussess tagħhom biex imbagħad jippreżentawhom fil-Qorti kontrina bħala prova. Madankollu m’humiex lesti li jwaqqfu lill-impjegati tal-gvern milli jkomplu b’dan l-aġir għaliex, kif qalulna l-pulizija llum stess, tad-dipartiment tal-indafa pubblika qed igħidu li ħadu azzjoni wara li ngħataw struzzjonijiet personalment mill-Ministru tal-Ġustizzja u Kultura Owen Bonnici.

Bil-liġi, l-Pulizija għandha s-saħħa li twaqqaf azzjonijiet illegali ta’ Ministri u tal-impjegati ta’ taħthom. Iżda llum nafu l-Pulizija Maltija ma tiċċaqlaqx meta l-liġi tinkiser minn xi Ministru.

Il-bieraħ filgħodu fil-11 attivisti, wara li ħallew il-postijiet tax-xogħol tagħhom, inġabru fil-11 biex jerġgħu jdendlu l-istrixxun u biex jerġgħu jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat.

Iżda kif aħna lkoll morna lura għax-xogħol, tfaċċat mara li – x’aktarx biex tisfida – ġabret xi oġġetti mill-mafkar u ħadithom l-għassa tal-pulizija. Hi u tiġbor, qattgħet xi messaġġi ta’ protesta minn mal-injam u ppruvat taqla’ l-istrixxun iżda ma rnexxilhiex tagħmel dan.

Inġibdu xi ritratti ta’ din il-mara hi u tipprova taqla l-istrixxun. M’għandniex xi ngħidu, dawn ir-ritratt jien rajthom. Iżda mhux bi ħsiebni nxandarhom hawn. M’hemmx dubju li l-azzjoni tagħha nikktitni għaliex din il-mara mid-dehra taħseb li għandha d-dritt li ċċaħħad lil ħaddieħor mid-dritt fundamentali li jipprotesta. Iżda din il-mara tinsab konvinta li tinsab fuq in-naħa tas-sewwa – ċertament kulħadd għandu d-dritt li jaħseb li jrid.

Ħaġa bħal din tnikkitni mmensament għaliex għad hawn ħafna li ma jridux jisimgħu bis-sewwa. Iżda nifhem ukoll li ma kienx ikollna għalfejn nagħmlu dan kollu li kieku m’hawnx nies bħal dawn li jippreferu jperrċu l-mibgħeda tagħhom milli jieqfu ftit biex jisimgħu x’għandek xi tgħid.

Issa ftakart ukoll li f’postijiet bħall-Irlanda ta’ Fuq fejn issib iktar minn mafkar wieħed fejn wieħed jista’ jqiegħed il-fjuri f’ġieħ dawk is-suldati Britanniċi li nqatlu mill-IRA fl-1979, il-pulizija ta’ hemmhekk tikkunsidra azzjoni bħal dik li ħadet din il-mara bħala reat kriminali ta’ mibgħeda.

Madankollu mhux bi ħsiebni li nitlob lill-Pulizija biex tħarrek lil din il-mara. Aktar u aktar meta l-gvern stess — jiġifieri dak il-grupp ta’ persuni li f’idejhom fdajna r-riedni tal-pajjiż bir-responsabbiltà li jħarsulna id-drittijiet u l-libertajiet tagħna — ħa din l-azzjoni u għadu sal-lum igħaddiha lixxa.

Għalkemm l-azzjoni ta’ din il-mara nikktitni, inħoss rabja għal gvern li jinħeba wara mara bħal din u wara ħaddiema tal-gvern mqabbda apposta biex iwettqu azzjonijiet illegali tard bil-lejl.

Inħoss rabja lejn Owen Bonnici, dak il-ġifa li 10 snin ilu għamel kampanja sħiħa kontra ċ-ċensura għax hekk qabillu politikament, u li issa qed iwettaq iċ-ċensura huwa stess. Iżda bħalma din il-mara llum intużat biex tgħattilu xturu, Owen Bonnici wkoll qiegħed igħatti xtur ġwejjef oħra.

Wara din iċ-ċensura hemm Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat, ilkoll persuni li qed jagħmlu minn kollox biex il-kors tal-ġustizzja jiġi mbagħbas u dan biex jitgħattew ix-xtur tagħhom. Dawn m’humiex interessati li jaraw li fil-pajjiż issaltan il-ġustizzja. Għax kemm il-darba tingħeleb l-impunità u ssaltan il-ġustizzja, huma stess, ġidhom, in-negozji tagħhom, ir-reputazzjoni u l-libertà tagħhom jisfaw fil-periklu.

Mara li taġixxi bħal dik il-mara li xkupat il-fjuri u x-xemgħat mill-mafkar m’hi xejn ħlief mara baħnana. Il-verità hi li min jagħmel dawn l-affarijiet huwa mbeżża’ daqs kemm tista’ tkun imbeżża’ int.

Joseph Muscat jixtieq jeħles minna.

M’għandux ċans.