Il-verità llum m’għadhiex obbligatorja…saret optional.

Huwa diffiċli ħafna li tipprova tiġġustifika l-fjask tal-jet privat. Jets privati li kienu qed jittrasportaw prim ministri — Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi — kienu s-suġġett ta’ skandli fuq is-super one għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Imma meta uffiċjal taċ-Ċivil f’kariga medja ntbagħat ajruplan privat biex jiġborha ħalli tevita milli tħassar il-leave tagħha biex ikun żgurat li jgħaddi l-vot favur l-iżvilupp ta’ Silvio Debono, ma kienx diffiċli għad-dixxipli tas-super one li jinsew kemm kienu jiskandalizzaw ruħhom.

Dan it-troll b’moħħ brillanti, Manwel Debattista, għażel li jħalli kumment taħt artiklu fit-Times of Malta bbażat fuq argument klassiku mill-aktar bażwi u ipokrita. Fl-2010, kiteb, Richard Cachia Caruana uża jet privat biex itir lura lejn Malta minn Tripli. Jiġifieri qed iqabbel vjaġġ minn Sqallija u lura biex ma titħassarx il-btala ta’ xi ħadd ma’ vjaġġ biex tinġieb lura delegazzjoni sħiħa minn summit.

 

Kieku forsi dan kien minnu ma jimpurtax.

Imma fil-verità, Richard Cachia Caruana ma kienx qabad jet privat f’dik il-ġurnata tal-2010. Kien ivvjaġġa mal-Air Malta fuq titjira ppjanata minn qabel. Il-MaltaToday kienet ippubblikat dan ir-rapport probabbilment għax xi ħadd kien taha informazzjoni ħażina. U kelliem għall-gvern jiċħad din l-istorja b’mod kategoriku fil-kummenti aktar ‘l isfel. L-ebda jet privat. Intużat l-Air Malta.

Imma l-fatti llum saru irrelevanti, il-verità m’għadhiex obbligatorja imma saret optional, speċjalment meta dak li inti taħseb li hu veru, iservi biex tipprova dak li qed tgħid.

Aktar ‘l isfel taħt dak l-artiklu mimli fake news tal-2010, kummentaturi oħrajn kitbu kif qed iħarsu ‘l quddiem biex jeħilsu minn gvern korrott li juża l-private jets għall-impjegati taċ-Ċivil … meta fil-fatt ma kienx il-każ.

U issa li verament qed jiġri hekk, fl-interess ta’ negozjant b’saħħtu li qed ikompli jsir miljunarju minn fuq art pubblika, xorta n-Nazzjonalisti jibqgħu l-korrotti!