Is-sejħa ta’ Adrian Delia biex il-Maltin “lill-barranin jiqfulhom” hi waħda tassew tal-mistħija. Politiku jibda’ jmiss il-qiegħ meta jittanta jikklassifika l-membri tal-komunità f’taqsimiet għalihom u fl-istess waqt ikattar il-firda u joħloq il-mibgħeda lejn dawk li huma vulnerabbli.
Meta sena ilu tfaċċa fix-xena Adrian Delia u nieda kampanja ħarxa bħallikieku kien xi manigold, mill-ewwel deher ċar li l-PN kien se jersaq lejn il-lemin. M’hemmx dubju li dawk l-irġiel li kellu madwaru, li qajla kienu jittolleraw xi forma ta’ kritika lejn il-benjamin tagħhom, ma kinux se joqgħodu jiddiskutu bil-kalma kollha kwistjonijiet bħalma huma l-integrazzjoni, l-moderazzjoni u s-solidarjetà.
Kull diskors dwar il-ħtieġa tas-sigurtà jittappan bl-iskuża tas-soltu tar-razzisti: ‘Jien mhux razzist’. Iżda jeħtieġ li jsir ‘xi ħaġa’.
Wieħed mill-kandidati uffiċjali għall-elezzjonijiet Ewropej li hu appoġġjat mit-tmexxija, Dione Borg, bil-mikrofonu f’idu libes il-kappell ta’ ġurnalista tal-partit u kappell ieħor hu u jimraħ fil-pjazez waqt il-festi. Hu żar il-Ħamrun u espriema l-inkwiet tiegħu għall-fatt li persuni ta’ ġilda skura qed imexxu ħwienet li jbiegħu prodotti mportati minn pajjiżhom u li dan qed ihedded is-sigurtà.
Ir-rapporti drammatiċi li qed jixxandru dwar ġlied fit-toroq qed ikebbsu r-razziżmu. Il-ġlied bejn persuni li għandhom karnaġjon skur qed jitpinġa li hu ta’ periklu aktar serju għan-nies mill-ġlied bejn persuni li għandhom ġilda bajda.
Din hi ħaġa verament tal-mistħija. M’għandniex xi ngħidu, se jkun hemm min jixlini li qed nagħmel il-ħsara lil adrian Delia u lit-tmexxija tiegħu tal-PN. Tal-Kull Ħadd fil-fatt inkludieni f’cartoon ma’ oħrajn ilkoll lesti bis-sejf f’idejna.
Jien ma nista’ qatt nappoġġja partit politiku li jipprova jisfrutta l-biża’ mill-baranin bil-għan li jikseb il-voti. Din hija kwistjoni ta’ prinċipju u mhux dwar Adrian Delia jew xi fazzjoni li hemm fil-PN. Nhar il-Ħadd li għadda fil-każin tal-PN ta’ Ħal Tarxien ma kienx hemm Dione Borg biss iċapċap. Michael Briguglio, kandidat ieħor tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej u attivist tas-soċjetà ċivili, kien Ħal Tarxien ukoll u wera’ l-approvazzjoni tiegħu għal dan id-diskors tal-waħx. Dan jien ma nistax nifhmu.
Hemm ukoll Nickie Vella de Fremaux li pubblikament meriet lil żewġha fil-Facebook. Kitbet li żewġha ma messux irrefera għall-istorja dwar it-tarbija abbandunata biex isaħħaħ l-argument tiegħu li l-pajjiż tilef ir-ruħ tiegħu. Kif fhimtha jien, hi qalet li żewġha żbalja meta rrefera għal azzjoni ta’ mara li għandha karnaġjon abjad. U li kieku t-tarbija abbandunata kellha karnaġjon skur, ma konniex nagħmlu l-eċċezzjonijiet.
Diversi NGO’s li jaħdmu mar-refuġjati ma qagħdux jogħmoduha u qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jirkeb il-karru ta’ razziżmu u li jmissu jistħi.
Din il-kwalità ta’ politika hi msejsa fuq il-gideb: jeħlu lkoll kemm huma għax inzertaw “barranin”. Hi msejsa fuq talba vaga biex issir “xi ħaġa” mingħajr ma ssir talba speċifika. Hi msejsa fuq l-illużjoni li jekk persuni ta’ karnaġjon iswed niżolawhom, ħajjet dawk il-foqra li għandhom ġilda bajda tista’ b’xi mod titjieb. Din il-politika sserraħ fuq il-periklu: dak hu li qed jiġri fl-Italja taħt Matteo Salvini fejn in-nies qed jiġu mħajjra iġibu ruħħom b’mod passjonali biex, wara li titwarrab is-solidarjetà umana, tiddaħħal il-mibgħeda u anki l-vjolenza.
Ftit minuti ilu Therese Commodini Cachia kitbet fil-Facebook u, għalkemm ma kkritikatx direttament lill-mexxej tal-partit tagħha, għamlet tagħha l-istqarrija tal-NGO’s u appellat biex jieqfu d-diskorsi politiċi dwar ir-razez.
Din minn dejjem kienet il-politika tal-PN u, sa fejn naf jien, il-politika qatt ma nbidlet. Il-PN m’huwiex jerġa’ lura għall-għeruq tiegħu, iżda qiegħed jabbandunahom. Biex il-politika tkun forza favur is-sewwa u b’riżq il-bini ta’ soċjetà ġusta, ma tista’ qatt tikklassifika l-bnedmin.
Ir-razziżmu iġib l-inġustizzja u jeħtieġ li niġġildulu bis-sħiħ.