Il-Kummissarju Parlamentari dwar l-Imġieba Korretta għamel l-ewwel stqarrija tiegħu. Mhux daqstant importanti li l-Kummissarju inzerta li hu wkoll li hu avukat u President tal-Kamra tal-Avukati.
Il-Kummissarju kien qed jirreferi għal Ministru tal-gvern u Membru Parlamentari. Il-Ministru sfaċċatement kiser il-Kodiċi tal-Etika li jirregola l-imġieba tiegħu u tal-kollegi tiegħu anki tal-verżjoni tal-Kodiċi li fiħ dan il-gvern baxxa l-livelli ta’ dan li huwa mistenni minn dawn in-nies. L-imġieba tal-Ministru kienet biżżejjed biex iġġiegħlu jirriżenja.
Ippermettuli nispjega.
George Hyzler huwa l-President tal-Kamra tal-Avukati.
Biss ftit jiem ilu, bis-saħħa ta’ ftehim bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, huwa nħatar bħala Kummissarju Parlamentari dwar l-Imġieba Korretta. Heuwa l-ewwel persuna li qatt inħatret biex tokkupa din il-kariga. Il-liġi ilha tliet snin li għaddiet imma l-gvern ma kellux għaġġla li jimplimentaha u issa ir-raġuni għaliex hija ċara. Jekk il-Kummissarju se jkollu nitfa rispett lejn il-kariga li jokkupa – rispett li jinsab nieqes f’uffiċjali pubbliċi oħrajn – mhux se jdum wisq qabel jibda jiġbed l-attenzjoni għal-livell baxx li waqgħet l-imġieba ta’ dawk li jokkupaw karigi pubbliċi.
U hawn, meta bil-kemm kellu ż-żmien biex saħansitra jrodd is-salib, diġà għandu l-ewwel każ fuqhiex iħabbel rasu.
Peter Grech kixef lil Owen Bonnici talli dan ħadem ta’ avukat għal klijenti privati waqt li kien qed iservi bħala Ministru tal-Ġustizzja.
B’mod ġenerali, anki li kieku kien Ministru tas-Saħħa jew tal-Biedja, Owen Bonnici xorta waħda kien imur kontra l-etika li kieku fl-istess żmien żamm uffiċċju għall-prattika privata fil-professjoni tiegħu. Il-fatt li hu l-Ministru tal-Ġustizzja tikkomplika l-affarijiet aktar. X’jonqosna naraw? Imħallfin jagħtu pariri lil dawk li jidhru quddiemhom? Għal dawn in-nies il-fruntieri bejn dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex, ma jeżistux.
Għal Owen Bonnici ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk ikun hemm min jażżarda jqiegħed ritratt imdawwar bil-fjuri u x-xemgħat quddiem mafkar pubbliku. Iżda ma jkun ġara’ xejn meta Ministru tal-Ġustizzja jagħmilha wkoll tal-avukat personali ta’ min ikun għaddej inkjesta ta’ natura kriminali.
George Hyzler sejjaħ din l-imġieba ta’ Owen Bonnici bħala waħda “stramba”. Tassew hi stramba – iżda hi wkoll aktar minn hekk. L-istrambaġni m’hix xi ħaġa li jeħtieġ permess għaliha u l-aġġettiv li ntuża jagħti impressjoni skorretta.
Jeżistu raġunijiet li huma minn ewl id-dinja għaliex Ministru tal-Ġustizzja m’għandu qatt jirrappreżenta klijenti privati, partikolarment f’kwistjonijiet ta’ natura kriminali. Meta ċempel lill-Avukat Ġenerali li, mill-prespettiva kostituzzjonali m’huwa kontabbli lejn ħadd għad-deċiżjonijiet li jieħu fejn jidħlu prosekuzzjonijiet ta’ natura kriminali, Owen Bonnici rifes f’għalqa li ma kinitx tesgħu.
Meta qabad it-telefon kien qiegħed jeżerċita s-setgħa mhux fl-interess pubbliku jew fl-interess tal-ġustizzja iżda fl-interess ta’ min qabbdu biex jaqbeż u jitkellem għalih. Xogħol avukat huwa dak li jirrappreżenta l-interessi tal-klijent tiegħu b’mod esklużiv. Jekk klijent lill-avukat tiegħu itarraflu li kien ikkommetta r-reat kriminali li dwaru jkun qed jiġi investigat, l-istess avukat jkun obbligat li ma jikxifx l-informazzjoni li jkun ingħata u li min dak il-ħin ‘il quddiem jaġixxi biss fl-interess tal-klijent.
Il-Ministru tal-Ġustizzja għadu rwol bl-oppost. Jekk isir jaf b’reat kriminali, ikun obbligat li jara li l-istituzzjonijiet tal-istat ikollhom l-għodda kollha meħtieġa biex jassiguraw li ssir il-ġustizzja.
Allura malajr tindunaw li dan il-kunflitt ta’ interess huwa wieħed gravi. Ir-rwoli ta’ Owen Bonnici huma konfliġġenti u dan ma jista’ qatt iservi kif suppost il-mestier tiegħu ta’ ministru kemm il-darba jibqa’ jidher għal klijenti privati.
TDin m’hix biss sitwazzjoni mill-aktar stramba. Hi wkoll imġieba skorretta u r-rimi lejn il-baħar tar-responsabbiltà li għandha twassal biex Owen Bonnici jitwarrab.
Tgħid mhux hekk se jagħmel!