Il-lejla, bil-għajnuna tal-avukati Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Eve Borg Costanzi u Therese Comodini Cachia kif ukoll ta’ 61 avukat ieħor, għamilt talba lill-Qorti biex tiftaħ barra l-ħin legali u sabiex tikkunsidra t-talba tiegħi biex il-gvern jiġi ordnat ma jneħħix il-mafkar ta’ protesta li hemm f’Misraħ l-Assedju l-Kbir.
L-Imħallef Noel Cuschieri rċieva t-talba tiegħi u ħareġ ordni lill-gvern biex iwieġeb fi żmien għaxart ijiem u s-seduta issa tinsab għas-smiegħ għall-5 ta’ Ottubru 2018.
Jien ukoll tlabt lill-Qorti tordna lill-gvern biex ma jagħmel xejn biex ineħħi l-mafkar ta’ protesta u dan sakemm jinstema’ l-każ u tingħata sentenza fuq il-mertu. Wara 11 il-xahar li fihom kull darba li kien jiġi armat il-mafkar, kien ikun kemm min ineħħi kollox biex imbagħad kien ikollna nerġgħu narmawħ, tlabt lill-Qorti għan-nom ta’ sħabi attivisti biex tagħtina l-protezzjoni.
Dan stajt nagħmlu proprju llum għaliex għall-ewwel darba dawk li tqabbdu jżarmaw il-mafkar li ġie armat minn dawk kollha li qed jitolbu s-sewwa u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u għall-pajjiż kollu, kixfu l-uċuħ tagħhom. U għamlu dan għaliex xi ħadd ġibed filmat huma u jżarmaw il-mafkar libsin l-uniformi tad-Dipartiment tat-Tindif Pubbliku.
Dawn fil-fatt ammettew li kienu huma li neħħew l-istrixxun, il-fjuri u x-xemgħat u li kienu ġew ordnati jagħmlu dan minn uffiċjali fil-Ministeru tal-Ġustizzja. U meta, fil-preżenza tal-pulizija, ntebħu li setgħu jiġu mixlija b’serq, huwa raddew lura l-istrixxun, il-fjuri u x-xemgħat.
Issa, għall-ewwel darba, għandna ammissjoni formali li t-tneħħija tal-mafkar ta’ protesta saret fuq ordni tal-gvern.
L-Imħallef ma laqax it-talba tiegħi biex tinħareġ ordni temporanja sakemm jinstema’ l-każ. Għalhekk issa jmiss lilna, permezz tal-ftit riżorsi li għandna u permezz tal-voluntiera, li naraw li l-mafkar ma jintmessx sakemm tinstema’ l-kawża.
M’għandniex xi ngħidu, il-fatt li l-qorti ma ħarġitx ordni temporanja ddiżappuntani, iżda huwa minnu wkoll li l-gvern issa jinsab obbligat jiddikjara fil-Qorti jekk hix l-intenzjoni tiegħu li jneħħi l-mafkar ta’ protesta u, jekk iva, se jkollu jġib ir-raġunijiet għal dan. M’hemmx dubju li se jkun diffiċli għall-gvern li jargumenta li għamel li għamel biex iħares il-plywood li qed igħatti l-monument tal-Assedju.
Il-kawża għamiltha f’ismi għax legalment din jeħtieġ li tkun f’isem xi ħadd li qed jallega li drittijietu qed jinkisrulu. Iżda ċertament hawn m’aħniex nitkellmu dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tiegħi jew dawk tal-attivisti. Din hi kwistjoni dwar id-drittijiet ta’ dawk kollha li jkunu jridu jipprotestaw fuq xi ħaġa u fuq il-ħarsien ta’ dan id-dritt.
Nixtieq nirringrazzja li Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Eve Borg Costanzi, Therese Comodini Cachia, Michael Agius, Samuel Azzopardi, Reuben Balzan, Kris Borg, Andrew Borg Cardona, Paul Borg Olivier, Thomas Bugeja, Kris Busietta, Simon Busuttil, Daniel Buttigieg, Noel Buttigieg Scicluna, Alexandra Camilleri, Peter Caruana Galizia, Anthony Cutajar, Edward Debono, Trevor Degiorgio, Mario Demarco, Alistair Facciol, Martina Farrugia, Beppe Fenech Adami, Raphael Fenech Adami, Ann Fenech, Mark Fenech, Michela Fenech, Peter Fenech, Bernard Galea, Vince Galea, Simon Galea Testaferrata, Austin Gatt, Gege Gatt, Antonio Ghio, Joe Giglio, David Gonzi, Lawrence Gonzi, Paul Gonzi, Karl Grech, Kenneth Grima, Peter Grima, David Griscti, Philip Manduca, Stefan Meilak, Angelo Micallef, Paula Mifsud Bonnici, Roberto Montalto, Karl Micallef, Malcolm Mifsud, Antoine Naudi, Georg Sapiano, Alex Perici Calscione, Anika Psaila Savona, Katia Psaila Savona, Chris Said, Nicolette Spiteri Bailey, Roberta Tedesco Metsola, Robert Thake, Stephen Thake, Louise Pulis, Aldo Vella, Francis Zammit Dimech, Joe Zammit Maempel u Michael Zammit Maempel talli aċċettaw li jirrappreżentawni f’dan il-każ — u permezz tiegħi tal-attivisti kollha tas-soċjetà ċivili.