Guest Post miktub minn persuna magħrufa minni li sejjaħ lilu nnifsu ‘Lake’. Ġieli nitħasseb dwar fiex jinsab il-Partit Nazzjonalista.
Niftakar żmien mhux tant ‘il bogħod meta kont insegwi lil Eddie Fenech Adami. Kellii 15 il-sena meta kien reġa’ kiseb maġġoranza parlamentari u mandat biex jerġa’ jagħti l-ħajja lin-negozjati biex Malta ssir membru tal-UE. Lil Eddie dejjem ħarist lejh bħallikieku kien in-nannu li qatt ma kelli u bħala dak il-bniedem li kien ser jiggarantixxi ġejjieni aħjar għal dawk tal-ġenerazzjoni tiegħi. Ġejjieni li fih konna finalment ser nitqiesu bħala persuni indaqs ma’ sħabna l-Ewropej bl-istess opportunitjiet li jgawdu huma.
Kien żmien meta kont tħossok kburi li int Nazzjonalist. Diffiċli tesprimi bil-kitba dak li tħoss meta tkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Il-mira tagħna konna nafuha, konna nafu x’kien jeħtieġ li jsir u lkoll ġbidna l-istess ħabel biex naslu fid-destinazzjoni tagħna.
Għalkemm konna nafu x’kienet il-mira tagħna, bħala żgħażagħ konna wkoll fhimna li Eddie Fenech Adami kien ġabar lill-pajjiż mill-ħofra li kienu tefgħuh fiha għaxar snin qabel. Dan kien biżżejjed biex saħħaħ il-konvinzjoni, l-entużjażmu u d-determinazzjoni tagħna li naslu fejn kellna naslu. Qatt aktar ma ridna naraw lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna maħkuma minn gvern soċjalista li bil-vjolenza ħanaq il-libertajiet tagħna, l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa.
Nimxu l-quddiem fiż-żmien għal sentejn ilu.
Qed nipparteċipa fi protesta paċifika kontra gvern soċjalista li fi ħdanu għandu Ministru – Chris Cardona – li għamel kawża ta’ libell kriminali biex jipprova jsikket lil Daphne Caruana Galizia, l-unika ġurnalista nvestigattiva vera li kellha Malta. Ħassejtni bħallikieku l-arloġġ mar lura b’35 sena. Madankollu fil-folla rajt uċuħ li kienu familjari. Folla waħda, leħen wieħed, prinċipju wieħed, għan wieħed.
Sena wara, hekk kif il-Partit Nazzjonalista reġa’ tilef l-elezzjoni, inbidel kollox. F’daqqa waħda l-Partit Nazzjonalista abbanduna l-prinċipji ta’ “Xogħol, Ġustizzja u Libertà” u ħaddan il-populiżmu ta’ bla prinċipji. Minkejja l-allegazzjonijiet serji li għamlet dwaru Daphne nnifisha, Adrian Delia ġie elett bħala kap tal-partit. Għall-Partit Nazzjonalista, li kien imdorri b’mexxejja – b’kuntrast għas-soċjalisti – nodfa u ta’ valuri għolja, din kienet bidla radikali. “Dik il-biċċa blogger,” kien għajjat Adrian Delia ftit qabel ġie elett u s-segwaċi tal-partit dlonk dawwru l-kanuni tagħhom proprju fuq dik il-persuna li ftit qabel kienu ħarġu fit-toroq biex jipproteġuha. Bit-tgħajjir tagħhom, dawn in-Nazzjonalisti kienu qishom sħabhom is-Soċjalisti. Iż-żewġ naħat saru ħaġa waħda fl-azzjonijiet tagħhom ta’ mibgħeda kontra ġurnalista. Il-kliem — “dik il-biċċa blogger” — lil Daphne żammewha iżolata sa dakinhar li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Adrian Delia, minkejja li bilkemm kien għadu radd is-salib, kien diġà wettaq żball politiku mill-aktar gravi. Fil-fehma tiegħi, Adrian Delia kien immanipula l-elezzjoni tiegħu bħala kap wara li ħa vantaġġ politiku tal-ħames stadji ta’ niket li ħassew il-partitarji Nazzjonalisti wara t-tieni telfa elettorali wara 4 snin.
L-1 stadju Iċ-ċaħda: F’dan l-istadju tħoss li l-ħajja m’hix tagħmel sens. ‘Kif qatt stajna nitilfu?’ ‘Kif stajna tlifna b’dawk in-nies kollha fl-aħħar mass meeting?’ ‘Żgur bgħabsu l-elezzjoni.’ ‘Bgħabsu fil-kaxxi tal-voti.’ Tiftakru kemm smajna diskorsi bħal dawn? Din jgħidulha ċ-ċaħda.
It-2 stadju Ir-Rabja: din m’għandhiex limiti u bilfors tkun trid twaħħal f’xi ħadd. U kien f’dan l-istadju li tfaċċa fix-xena Adrian Delia. “Biċċa blogger,” u kompla billi akkuża b’mod isteriku lill-hekk imsemmi establishment: “il-Partit Nazzjonalista mhux tagħkom. Il-Partit Nazzjonalista tal-kunsilliera, tat-tesserati, tan-Nazzjonalisti, u rriduh lura!”. Adrian Delia qalilna f’min għandna nwaħħlu u fuq min għandna ndawwru r-rabja tagħna: Daphne Caruana Galizia u dak li kien il-mexxej tal-partit Simon Busuttil. Dan kien il-mod kif immanipulak. Peress li bejn l-istadji taċ-ċaħda u tar-rabja, int ma kellekx il-ħila tintebaħ li hi ħaġa minn ewl id-dinja fiċ-ċiklu politiku li gvern soċjalista, li kien għamel 25 fl-oppożizzjoni, jerġa’ jiġi elett għat-tieni darba. Dan huwa ċiklu politiku li hu normali f’kull pajjiż demokratiku.
It-3 stadju Tuh ċans: Smajniha kemm il-darba din. ‘Agħtuh ċans jurina x’isarraf.’
Ir-4 stadju Dwejjaq: Ġejna wiċċ imb’wiċċ mar-realtà, l-aktar meta qrajna x’kien kiteb wieħed mill-akbar alleati tiegħu Herman Schiavone meta lil mart Adrian qalilha. “Nickie….illum Adrian sar żibel. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Jekk ikun hemm bżonn iwarrab, iżda rrid inkun ċert li jwarrab b’mod dinjituż.”
Il-5 stadju Aċċettazzjoni: Dan l-istadju tħawwduħx ma’ dak ta’ meta tħossok “all right” jew “OK” b’dak kollu li jkun seħħ. F’dan l-istadju n-Nazzjonalisti jibdew jammettu li l-għażla ta’ Adrian Delia ma kinitx waħda tajba, iżda jgħidu wkoll li ‘ma kienx hemm fejn tagħżel.’ Kemm il-darba smajtu lil min jirraġuna b’dan il-mod?
Ma kull jum li jgħaddi, nimmaġina lili nnifsi fuq kamp tal-battlja. Arja tqila u duħħan kullimkien. Ninsab imwaħħal fuq il-fruntiera u ma nistax nagħraf ħabib minn għadu. Bejn ħin u ieħor niltaqa’ ma xi ħadd u nitkellmu b’kawtela sakemm nintebħu li aħna kollegi fl-istess armata. U niltaqa’ wkoll ma’ oħrajn.
Xi darba, f’nofs dik l-għalqa mimlija splussivi moħbija, se niġi wiċċ imb’wiċċ ma’ persuna ta’ integrità u ta’ statura, li jitkellem bis-sens komun u li nkun nista’ nsejjaħlu l-mexxej tiegħi.
Għad nerġgħu inkunu Nazzjonalisti: kburin bil-prinċipji ta’ Xogħol, Ġustizzja u Liberta’.