Qed jitħajjru jikkupjaw dak li issa sar moda fis-Sala Stampa tal-White House. Jekk il-President jew xi kelliem minn tiegħu jevitaw li jwieġbu mistoqsija ta’ ġurnalist, jerġa’ jistaqsi l-istess mistoqsija l-ġurnalist li jkun imissu hu biex jistaqsi. Dan huwa l-uniku mod kif l-istampa tista’ tibqa’ ħielsa mill-kontroll politiku.

L-iSpeaker tal-Parlament tagħna lil The Shift News ordnalha biex tagħmel xi bidliet f’rapport li xandret wara li Glenn Bedingfield ilmenta li “inkisru l-privileġġi tiegħu”.

Mhux rilevanti l-fatt li jien naqbel ma’ dak li kitbet The Shift News. M’għandix għalfejn noqgħod nirreferi għas-suġġett li ġie trattat fl-artiklu.

M’għandi xejn kontra l-privileġġi Parlamentari. Madankollu dik l-istituzzjoni li tagħmel użu mill-forza tal-liġi biex iġġiegħel ġurnalist igħid xi ħaġa b’ċertu mod u mhux bil-mod li jkun xtaq li jgħidha, tkun qed tinjora dawk il-privileġġi li għandhom valur aktar għoli: jiġifieri dawk li jagħmluna bnedmin ħielsa. Bħalma hu, per eżempju, l-privileġġ li jekk ikun hemm xi ħadd li jiddeċiedi xi ħaġa dwarek – anki jekk dak ix-“xi ħadd” ikun Parlament – dan ikun obbligat jisma’ wkoll il-qanpiena tiegħek. Il-privileġġ l-ieħor li qed jitwarrab huwa d-dritt li wieħed jitkellem b’mod ħieles dwar persuna pubblika — bħalma hu, per eżempju, membru parlamentari u uffiċjal tal-gvern li jgawdi sensiela ta’ salarji bħal Glen Bedingfield — u, jekk dik il-persuna pubblika jkollha għalxiex tilmenta dwar dak li ntqal fuqha, tkun tista’ tfittex fil-qorti: l-istess bħalma jagħmel kulħadd.

Anġlu Farrugia dan kollu remieħ il-baħar u ħareġ ordni minn fuq it-“tron” tiegħu. Ir-Rejiet, il-ġenerali u l-iSpeakers Parlamentari: it-tiranni ma jintagħrfux mill-kuruni li jilbsu fuq rashom iżda mill-mod kif jeżerċitaw l-poter li jkollhom.

The Shift News qed tisfida l-ordni tal-iSpeaker u, naturalment, dan jista’ jwassal għal ċerti konsegwenzi.   Dawn m’huma se jibdlu xejn minn dak li nkiteb. Dan qed jagħmluh mhux biss biex jiddefendu l-kontenut tal-artiklu iżda – u dan huwa aktar importanti – biex iħarsu d-dritt ta’ kulħadd li jitkellem u li jikteb b’mod ħieles, anki dwar il-membri parlamentari.

Din hi r-raġuni għaliex iddeċidejt li dan l-artiklu ntellgħu b’dan bil-link li fiħ ukoll it-tweġiba tagħhom għall-ordni li ħareġ l-iSpeaker biex l-artiklu jinbidel.

B’hekk se jkollu aktar x’jagħmel.