Patrick Dalli jiġi r-raġel ta’ Helena Dalli. Mhux biss huwa negozjant iżda, mid-dehra, artist ukoll. Kif ġieli ngħid, jien ma nifhimx fl-arti u allura żgur m’jinix f’pożizzjoni li ngħaddi lix-xogħolijiet tiegħu mill-għarbiel anki jekk qatt ma rajthom.
Tat-Times of Malta saru jafu li Patrick Dalli biegħ biċċa xogħol minn tiegħu lill-imgħallem ta’ martu għal 15,000 ewro. Mhux biex din tiddendel fis-salott tal-imgħallem ta’ martu, iżda biex isebbaħlu lill-uffiċċju tiegħu. U allura l-flus tħallsu mill-uffiċċju tal-imgħallem ta’ martu, jiġifieri mit-taxxi tagħna. Il-fatt li Patrick Dalli għandu l-mara Ministru ma jirrifletti xejn fuq il-kwalità jew il-valur tax-xogħol artistiku tiegħu. Li kieku Pablo Picasso kellu l-mara Ministru, ix-xogħlijiet tiegħu xorta waħda kienu jitqiesu ta’ valur kbir u l-gvern xorta waħda kien jagħmel sew jixtrihom. Madankollu li kieku Pablo Picasso kellu l-mara Ministru u dan biegħ biċċa xogħol lill-imgħallem ta’ martu, il-prezz kien jiġi stmat b’paragun mal-prezz li kienet normalment iġġib f’irkant jew fis-suq biċċa xogħol ta’ Pablo Picasso.
Permezz tal-Facebook, Patrick Dalli infexx jitgħajjar kontra t-Times of Malta. Lill-ġurnal għajjru maħmuġ, xandàr tal-fake news u tgħajjir ieħor bħal dan. U mbagħad għadda biex għamel lista ta’ mistoqsijiet li t-Times of Malta, skont hu, kien messha għamlet u dan mingħajr ma ċaħad xejn mill-kontenut tar-rapport li xandar il-ġurnal dwar id-diskors li kien għadda bejniethom fejn huwa rrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsjiet li sarulu.
Hemm xi mistoqsijiet li ma kinux fil-lista li għamel Patrick Dalli, liema mistoqsijiet kont inkun mejjet biex nagħmilhomlu:
Kemm il-biċċa xogħol artistika ta’ Patrick Dalli inbiegħet għal 15,000 ewro? Kemm il-biċċa xogħol artistika bħal din inbiegħet fis-suq b’dak il-prezz?
Il-kwistjoni m’hix dwar jekk Patrick Dalli kienx responsabbli hu stess għax-xogħol artistiku jew inkella kienx hu għamilhiex ta’ sensar għal xi artist ieħor. Il-kwistjoni hi li meta l-gvern jordna xi biċċa xogħol tal-arti, ikun min ikun l-artist, ikun jeħtieġ li jsir eżerċizzju soġġettiv ta’ stima sabiex jiġi stabilit il-valur. U dan l-eżerċizzju normalment jitwettaq hekk kif jsir paragun mal-prezz li artist soltu jitħallas fis-suq tal-kolletturi privati. Minn dan l-eżerċizzju kollu ma jidher li sar xejn f’dan il-każ.
Il-kwistjoni l-oħra hi li meta l-gvern jordna xi biċċa xogħol mingħand ir-raġel ta’ Ministru, ikun ukoll jeħtieġ li jiġi żgurat li l-Ministru ma kellha x’taqsam xejn mad-deċiżjoni li ssir l-ordni. Din ir-regola tapplika saħansitra anki meta l-gvern jixtri l-lapsijiet mingħand ir-raġel jew il-mara tal-Ministru, aħseb u ara meta ssir ordni biex tinxtara’ xi biċċa xogħol artistika.
M’għandniex xi ngħidu, tagħmel x’tagħmel wieħed jistenna’ li dejjem ser ikun hemm min jissuspetta ħażin meta tiġri xi ħaġa bħal din. Iżda l-gvern bħal donnu ġie jaqa’ u jqum milli jipprova jserraħ moħħ li min jista’ jkollu dawn is-suspetti.
Minflok sar sforz biex ikun hemm miżura ta’ trasparenza, l-‘artist’ innifsu ħareġ għan-nofs jitgħajjar ma’ ġurnalist li kien biss qed jagħmel xogħolu billi staqsa mistoqsijiet mill-aktar leġittimi.
F’ġieħ it-trasparenza, mhux aħjar il-gvern jurina din il-biċċa xogħol artistika li għalija ħallasna 15,000 ewro?