Ġimgħa ilu l-Qorti “wriet l-iskantament tagħha” għall-mod kif ġab ruħu Evarist Bartolo fil-konfront tal-korruzzjoni fil-Ministeru tiegħu u dwar kif dan għażel li jgħatti x-xtur u jinjora l-informazzjoni li kellu f’idejħ. U żamm sieket waqt li l-Pulizija ħadu passi bil-Qorti kontra l-whistleblower, li issa ġie liberat mill-akkużi li nġiebu kontrih.

Evarist Bartolo qed jissemma’ bħala l-persuna li se tingħażel biex tokkupa l-kariga ta’ President. Kariga li ġieli mtliet minn dik il-persuna li l-prim ministru jkun irid jeħles minnha mingħajr ma jidher li jkun qed ikeċċiha. Il-ħatra tiegħu tkun għotja oħra ta’ qima li f’dan il-pajjiż qed tingħata lill-korruzzjoni.

Mela issa għandna politiku veteran li ġie kritikat mill-Qorti talli għatta x-xtur ta’ ajjutant u galoppin li xxaħħam fl-uffiċċju politiku tiegħu u li, minkejja dan kollu, baqa’ f’postu b’impunità sħiħa, li issa huwa kunsdidrat bħala l-persuna li hi l-aktar kwalifikata biex issir President ta’ Malta. Se tkun transizzjoni f’waqtha fejn se jilħaq bniedem li għamel għomru u żmienu jilgħabha tal-ħaruf meta taħt dik il-qoxra dejjem kien hemm lupu feroċi. Tafu x’jonqosna issa? Li jkollna ż-żewġ naħat tal-Parlament jaqblu fuq in-nomina tiegħu.

Minn dakinhar li l-Qorti ċanfret lil Ministru tal-gvern talli għatta xtur il-korrott, l-Oppożizzjoni parlamentari lanqas indenjat ruħħa titniffes. La saret talba biex jirriżenja l-Ministru, la saret talba għal dibattitu parlamentari u vot ta’ sfiduċja, la saret ebda mistoqsija parlamentari u saħansitra lanqas saret l-iċken stqarrija għall-istampa b’ċanfira lil Evarist Bartolo.

Il-PN aktar moħħu f’dak li nikteb jien milli li jopponi lill-gvern.