Ħamsa u għoxrin sena ilu, l-Alternattiva Demokratika kienet tippubblika ġurnal darbtejn fil-ġimgħa li kien xandar storja dwar membru parlamentari li kien evada l-ħlas ta’ taxxi fuq flejjes li kellu depożitati fir-Renju Unit. Dan id-deputat kien jismu Lino Gauci Borda u dak iż-żmien kien hemm xniegħa — li, m’għandniex xi ngħidu, qatt ma xxandret f’xi ġurnal – li dan kien għaddej minn perijodu personali ħażin u l-mara tiegħu riedet timbarazzah. Allegatament din marret għand tal-ġurnal Alternattiva u għadditilhom xi dokumenti b’indikazzjoni tal-investiment mhux dikjarat u hekk kif ixxandret l-istorja, hu rriżenja minnufiħ mill-Parlament. Dak iż-żmien huwa kien back-bencher u fit-teorija, ħadd ma seta’ jkeċċieħ mill-kariga ta’ deputat parlamentari. Iżda tant kien imbarrazzat b’dak li kien seħħ u bil-provi li xxandru li qabad u rriżenja.

Għoxrin sena wara, l-istorja reġgħet feġġgħet fil-memorja tan-nies meta t-Times of Malta tkellmet dwar l-ironija li fiż-żmien meta Lino Gauci Borda kien irriżenja, il-kollegi parlamentari tiegħu Ninu Zammit u Michael Falzon kienu baqgħu siekta u baqgħu m’ammettewx li huma wkoll kellhom flejjes mhux dikjarati depożitati barra minn Malta u li huma wkoll kienu evażuri tat-taxxa. Għax sakemm in-nisa tagħhom ma kixfulhomx għawwarhom ma’ xi ġurnal, ħadd ma seta’ jmiss lill-karrieri politiċi tagħhom (u lil flushom).

Dan jista’ jkun il-bidu ta’ dibattitu interessanti dwar politiċi korrotti li jgħadduha lixxa: wieħed minn dawn bħalissa mehdi jikkritika lili billi jakkużani li qed nilgħabha tal-qaddis miexi fl-art. Jew jista’ wkoll jingħata bidu għal dibattitu interessanti ieħor dwar dawk li jikxfu l-għawwar tal-irġiel jew tan-nisa tagħhom biex b’hekk jimbarazzawhom. Ħsibt f’Lino Gauci Borda għax il-każ tiegħu fejn ġurnal jew ġurnalist wassal għal riżenja mill-Parlament hu wieħed mill-aktar rari għal Malta.

Tul din l-aħħar sena wieħed mill-ġurnalisti li kelli l-okkażjoni li niltaqa’ miegħu kien Andrea Purgatori, veteran Taljan li għamel isem minħabba l-investigazzjonijiet li kien għamel dwar il-każ Ustica. Huwa qalli li mill-esperjenza huwa tgħallem li udjenza indifferenti ħafna drabi teqred l-entużjażmu u l-eċċitament li jħoss ġurnalist li jaħseb li f’idejh ikollu aħbarijiet x’jikxef li jistgħu jikkawżaw ċertu taqlib.

Illum faqqgħet aħbar ġmielha. Aħbar li ilha tikber kuljum minn Frar li għadda hekk kif Ali Sadr Hasheminejad inġabar u nqafel il-ħabs mill-FBI u spiċċa mixli quddiem il-Qorti ta’ New York fuq frodi bankarja. Illum il-Bank Ċentrali Ewropew għalaq lill-Pilatus Bank għal kollox. Tafu għaliex ingħalaq għal kollox? Għaliex sentejn ilu, fl-2016, Daphne Caruana Galizia xandret sensiela ta’ stejjer dwar il-korruzzjoni, il-ħasil ta’ flus maħmuġin u reati kriminali oħra li kienu qed iseħħu bejn l-erba’ ħitan tal-bank f’Whitehall Mansions. Din is-sensiela ta’ stejjer il-prim minstru tagħna sal-lum għadu jsejħilhom l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta.

U tafu għaliex Daphne Caruana Galizia setgħet ixxandar dawk l-istejjer? Setgħet tagħmel dan mhux biss minħabba l-intuwizzjoni, l-kuraġġ, l-intelliġenza u l-enerġija li kellha. Dan kollu setgħet tagħmlu minħabba l-għejjun li kellha fil-persuna ta’ Maria Efimova. Persuna li l-prim ministru għadu jsejjħilha bħala spija Russa u li l-gvern tiegħu pprova kemm felaħ biex jestradiha lejn Malta fuq xiljiet foloz. L-inkjesti Egrant, l-allegazzjonijiet kollha dwar falsifikar, l-istediniet għat-tieġ f’Firenze, l-isponsorships lill-kumpanniji tal-jets privati li ma jgħabbu lil ħadd lejn Malta, il-kampanji mimlijin gideb, il-ħela tal-ħin mill-pulizija fuq provi fabrikati, l-apoloġiji politiċi u l-għotjien tax-xtur, l-investigaturi u uffiċjali mkeċċija, l-uffiċjali tal-pulizija u bażużli mixtrija biex jgħattu xtur il-kriminali: ebda wieħed minn dawn kollha ma seta’ la jżomm lill-Pilatus Bank fil-wiċċ, la jsalva l-kontijiet bankarji li kellhom fiħ Keith Schembri u John Dalli u lanqas li jsalva is-sitwazzjoni għal Ali Sadr Hasheminejad li bħalissa qed jaqra’ din il-kitba minn New York hu u jimmaġina li, jekk jirnexxielu jiżgiċċa l-ikla ħabs li qed tistennieħ, se jkollu oġġett wieħed inqas fuqhiex jinkwieta jekk jerġa’ lura lejn Malta.

Illum m’aħniex biss infakkru l-jum li fiħ il-Pilatus Bank ingħalaq għal kollox. Qed infakkru wkoll l-eċċezzjoni ewlenija fl-istorja tal-impunità f’dan il-pajjiż. Bħal dawk il-ġurnalisti ta’ Alternattiva li f’erbat ijiem fl-1994 iċċelebraw il-fatt li mill-Parlament warrab evażur tat-taxxa grazzi għax-xogħol li kienu wettqu, issa qed niċċelebraw ukoll il-twarrib mix-xena ta’ bank korrott grazzi għax-xogħol li kienet wettqet Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnaliżmu għalhekk qiegħed u llum għandna għaxiex nifirħu.