L-iskandlu 17 Black hu l-akbar skandlu fl-istorja politika ta’ Malta. Qatt ma kien hawn skandlu ieħor bħalu – għallinqas dawk li nafu bihom. Il-provi dokumentati li diġà jeżistu ħadd ma jista’ jmerihom. Jekk dawn il-provi m’humiex biżżejjed biex iwasslu għal kundanna ta’ ħtija quddiem qorti, allura m’hu ser ikun qatt possibbli li jiġu kundannati dawk il-politiċi jew uffiċjali tal-gvern li jixxaħħmu fuq kuntratti pubbliċi.

Il-provi dokumentati waqgħu f’ħoġor il-Pulizija, mhux għax irsistiet hi, iżda grazzi għax-xogħol u għall-persistenza tal-ġurnalisti Maltin u barranin. U hawn qed nitħaddtu dwar il-kollass tad-demokrazija għaliex l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, li xogħolhom huwa li jaġixxu minnufiħ meta jinkixef reat kriminali, jew jinsabu mwerwrin u jagħmlu taħthom bil-biża’ jew inkella qed jieklu u jiffangaw huma stess.

Tirrabja meta tisma’ l-isfaċċataġni u tara l-wiċċ sfiq ta’ Joseph Muscat li l-bieraħ stqarr li l-investigazzjoni dwar 17 Black m’hix investigazzjoni dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi. Bħallikieku kumpannija qatt tista’ tiġi akkużata b’reat kriminali! Meta l-Pulizija tinvestiga qtil, ma tinvestigax is-sikkina jew l-arma tan-nar: tinvestiga l-persuna li jkun għamel użu mis-sikkina jew l-arma tan-nar biex qatel.

Iżda tafu x’hemm agħar minn hekk? Li jkollna Oppożizzjoni, li xogħolha għandu jkun li tesprimi r-rabja tal-poplu u li tara kif tagħmel biex Joseph Muscat ma jgħaddihiex lixxa kull meta jlissen dawn il-ħmerijiet, li tikkollabora ma’ dan l-attentat redikolu biex jintlagħab in-noli mal-ġustizzja. Il-bieraħ waqt attività tal-PN Adrian Delia qabel mad-difiża bażwija tal-Prim Ministru ta’ Keith Schembri  u stqarr li m’hix ċara l-identità tal-persuna li qed tiġi investigata fil-każ tas-17 Black: “Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera għall-inkjesta 17 Black u qal li m’hix ċara l-identità tal-persuna li qed investigata”.

Min jaħseb li qed jiġi investigat? Il-bidillu tal-kasinò? 17 Black tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni għaliex Keith Schembri u Konrad Mizzi huma sidien ta’ kumpanniji sigrieti fil-Panama li, skond provi dokumentati, kellhom jirċievu fil-kont bankarju tagħhom 150,000 dollaru fix-xahar mingħand 17 Black. Adrian Delia għaliex qed igħattilhom lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi? Lil Joseph Muscat għaliex qed igħattilu? Jiena ngħid li jew għaliex huwa bniedem imbeċilli jew għandu l-interess li ma jħabbatx difru ma’ Joseph Muscat. Jew it-tnejn f’daqqa.

Taħt id-dell ta’ wieħed mill-akbar skandli fl-istorja politika ta’ Malta u tal-abbuż ta’ poter u tal-imminar tal-kors tal-ġustizzja minn naħa ta’ Joseph Muscat, Adrian Delia  u Joseph Muscat il-bieraħ filgħaxija ltaqgħu f’attività soċjali f’atmosfera amikevoli. Il-ħabib tagħhom it-tnejn, Luke Dalli, iben Helena Dalli, ġibed dan ir-ritratt. Dan huwa l-mod kif l-Oppożizzjoni ssir waħda pożittiva. U din hi r-raġuni għala l-poplu m’għandux tama li jkun hemm bidla.  Illum għandna l-MLPN.