Il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi li ppreżenta l-Partit Demokratiku hi importanti u kienet meħtieġa. Jekk il-Parlament ma jikkonfrontax lill-gvern, min huwa lest li jagħmel dan? B’riżq l-istabilità l-gvernijiet jkunu jeħtieġu l-appoġġ ta’ maġġoranza Parlamentari. Dan huwa ġust u hekk għandu jkun.
Iżda l-gvern għandu dejjem ikun kontabbli lejn il-minoranzi Parlamentari. U l-Parlament m’huwiex kompost biss minn 3 gruppi. Huwa kompost mill-individwi. Kull wieħed minn dawn huwa msejjaħ biex jivvota b’ċertu mod. Iżda kull wieħed ikun ukoll jeħtieġ li jaġixxi skond il-kuxjenza b’rispett lejn ir-responsabbiltà diretta li għandu lejn il-votanti u jivvota fil-Parlament skond il-ħtiġijiet tad-demokrazija tagħna. Tabilħaqq, kull wieħed huwa mgħobbi bir-responsabbiltà li jiddeċiedi u kull wieħed huwa kontabbli għad-deċiżjonijiet li jkun ħa. Mhux biżżejjed li wieħed joqgħod jilmenta u jgerger minn taħt l-ilsien li l-prim ministru baqa’ ma ħelisx minn Konrad Mizzi. Kull membru tal-gvern huwa membru parlamentari bid-drittijiet u d-dmirijiet li kariga bħal din iġġib magħha. Dawn se jissejjħu biex jivvutaw u, m’għandniex xi ngħidu, nafu li kull membru parlamentari tal-Partit Laburista se jivvota kontra l-mozzjoni biex jitneħħa Konrad Mizzi u se nerġgħu naraw is-saħħa tremenda li Joseph Muscat għandu fil-partit tiegħu.
Forsi jkun hawn min jistaqsi x’inhu l-iskop ta’ dan kollu. L-iskop huwa wieħed tajjeb għaliex il-membri parlamentari tal-Labour jeħtieġ li jiġu sfidati jikkonfermaw il-lejaltà tagħhom lejn il-kollega ħalliel tagħhom u għal darb’oħra jingħaqdu mal-imgħallem tagħhom il-prim ministru biex Konrad Mizzi jibqa’ jingħata l-kenn mill-ġustizzja. Jgħidu x’jgħidu, Konrad Mizzi kien messu ilu li ddabbritlu rasu. Kien messu telaq hekk kif tfaċċa l-iskandlu tal-Panama. U issa li sa fl-aħħar hemm inkjesta kriminali għaddejja, il-membri parlamentari kif qatt jistgħu jgħidu li qed iħallu l-ġustizzja titwettaq u fl-istess ħin jippermettu lil Konrad Mizzi jibqa’ parti mill-gvern?
Barra minn dan, m’hemm ebda raġuni għaliex il-Parlament m’għandux ukoll jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja f’Keith Schembri. Wara kollox, kull uffiċjal li m’huwiex elett u li huwa maħtur mill-gvern huwa kontabbli lejn dak li jkun għamel il-ħatra. Jekk il-Parlament ma jkollux fiduċja f’persuna li tkun inħatret mill-prim ministru, lill-prim ministru l-Parlament jista’ jitolbu biex ikeċċieha u jekk din ma titkeċċiex, jista’ wkoll jgħaddi mozzjoni ta’ sfiduċja fil-prim ministru. Din il-loġika ċertament ma ġietx applikata meta Joseph Muscat kien Kap tal-Oppożizzjoni u meta kien nieda mozzjoni ta’ sfiduċja f’Richard Cachia Caruana.
Għalkemm il-membri parlamentari jeħtieġ li jiddeċiedu humiex ser ikunu kompliċi ma’ Joseph Muscat fl-imminar tal-kors tal-ġustizzja, wieħed jeħtieġ li jifhem li t-teħid ta’ vot fil-Parlament m’huwiex xi logħba bejn ir-rebbieħa u dawk telliefa. Ir-riżultat tal-vot diġà nafu minn issa kif se jkun: il-maġġoranza fil-Parlament se tivvota kontra l-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi. U li kieku kellu jittieħed vot fuq Keith Schembri, il-maġġoranza fil-Parlament kienet tivvota kontra wkoll u tal-Labour jkunu jistgħu jgħidu li rebħu.
Konrad Mizzi kien qal li l-inkjesta Egrant kienet tatu raġun meta kulħadd jaf li l-maġistrat lanqas biss daħal fil-kwistjoni tat-taħwid li Mizzi kien imdaħħal fih. Issa se jgħid li l-Parlament espriema l-fiduċja fih. U din hi appuntu r-raġuni għaliex il-membri parlamentari ma jistgħux jikkonfrontaw lill-gvern weħidhom. Jeħtieġ dejjem li jagħmlu l-parti tagħhom iżda s-setgħa li għandhom hi limitata.
Il-mezzi tax-xandir indipendenti u s-soċjetà ċivili huma rilevanti propju f’dan l-istadju. Aħna ma ngħaddux vot mhux għax m’aħniex demokratiċi. Ma ngħaddux vot għaliex ma nixbgħu qatt infakkru lill-politiċi – kemm dawk onesti kif ukoll il-korrotti – li d-demokrazija ma tfissirx biss gvern tal-poplu. Tfisser ukoll gvern għall-poplu.
Iżda Konrad Mizzi u Keith Schembri ħatfu s-setgħa b’riżq il-but tagħhom u, jgħid x’jgħid il-Parlament dwarhom, ma jista’ qatt ikollna fiduċja f’żewġ ħallelin li nqabdu fil-fatt. Daqs kemm ma jista’ qatt ikollna fiduċja f’min sal-lum baqa’ jagħtihom il-kenn.